Sal-Erbgħa filgħodu jerġgħu jidħlu fis-servizz żewġ ajruplani tal-‘Air Malta’ – One News

Notifiki

Sal-Erbgħa filgħodu jerġgħu jidħlu fis-servizz żewġ ajruplani tal-‘Air Malta’

Fi ftit sigħat oħra se jitlestew it-tiswijiet fuq żewġ ajruplani tal-Air Malta li fl-aħħar jiem kienu involuti f’inċidenti separati. 

It-tiswijiet qegħdin isiru fil-hangar tal-Air Malta fl-ajruport.

Fl-ewwel inċident ajruplan tat-tip Neo ntlaqat minn makkinarju tal-ajruport ta’ Gatwick f’Londra u kkawża ħsarat f’parti ewlenija tal-ajruplan.

Ix-xogħlijiet jinkludi t-tneħħija tal-faċilitajiet sanitarji sabiex tkun tista’ ssir it-tiswija.

Fit-tieni każ l-ajruplan tat-tip Ceo intlaqat minn qatgħa għasafar waqt li l-ajruplan kien se jitlaq minn Malta.

Il-Kap Inġinieri tal-Air Malta Stefan Grech, li huwa ċ-Chief Engineer tal-Air Malta spjega ma’ ONE News kif f’dan il-każ il-bdot dawwar lura l-ajruplan malli nduna bil-problema.

Grech stqarr li “Huma jindunaw u f’dal-każ rawh għaddej u baqa’ dieħel ġol-magna jiġifieri kienet ċara u waqqaf l-ajruplan immedjatament.”

Qal li minnufih ġiet innutata ħsara estensiva fil-magna tax-xellug. Din bħalissa qed tinbidel ma’ magna li l-Air Malta żżomm bhala riserva sakemm tinġieb magna oħra.

“Minn barra mill-ewwel tidher fejn hemm il-fan blades bill-fan blades mgħawġin, biċċiet tal-ħadid nieqsin minn ġo fihom. Dawn huma tat-titanium pero xorta inkisru biċċiet u kull biċċa li tinkiser tagħmel ħsara sekondarja fuq blades oħra”, sostna Grech.

It-tiswijiet fuq iż-żewġ ajruplani qegħdin isiru b’kordinament mal-manifattur tal-ajruplani Airbus, b’Grech jgħid li l-ajruplan milqut mill-għasafar jista’ jerġa’ jibda jtir minn għada stess.

L-ajruplan milqut f’Londra mistenni li jibda jtir mill-Erbgħa.

“Għandna bżonn l-intake, il-biċċa ta’ quddiem tal-magna, dik ġejja minn barra, tasal illejla xis-siegħa ta’ filgħodu u teħel u l-ajruplan ikun available biex itir għada”, temm jgħid Grech.

Fi żjara fil-hanger, il-Ministru Konrad Mizzi esprima l-gratitudni lejn il-madwar 100 inġinier li timpjega l-linja tal-ajru u rringrazzjahom tal-ħidma bla heda biex l-ajruplani jidħlu lura fis-servizz fi żmien qasir.

Spjega li l-pass li jmiss għal din is-sezzjoni hi li tkabbar il-ħidma tagħha mhux biss għall-benefiċċju tal-Air Malta iżda anke għal linji oħrajn.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi stqarr “Dan il-hangar fejn qegħdin fih irid jikber ħalli nistgħu ikollna żewġ ajruplani li jidħlu fih f’daqqa u li l-Air Malta tibda toffri s-servizzi tal-inġinerija lil airlines oħrajn u jekk Alla jrid flok nisservicjaw għaxar ajruplani nkunu minn hawn u ftit snin oħra nisservicjaw għoxrin ajruplan.”

Titħassar titjira wara li ajruplan tal-Air Malta ntlaqat mill-għasafar

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend