Il-President u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani – One News

Notifiki

Il-President u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani

Il-President George Vella u s-Sinjura Vella ltaqgħu mal-membri tal-amministrazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani f’Birkirkara għal laqgħa informattiva dwar ix-xogħol li jwettaq dan l-istess Kunsill. 

Il-President tal-Kunsill is-Sur Anthony Mulè Stagno u l-Viċi-President is-Sur Peter Paul Bonnici taw merħba lill-President u rringrazzjawh taż-żjara. Huma fissru kif il-Kunsill jaħdem għall-ġid tal-anzjani, u fost l-oqsma li jolqtu lill-anzjani l-aktar hemm it-temi ta’ solitudni, l-użu tat-tekonoloġija, il-promozzjoni ta’ ħajja attiva, kif ukoll ħidma favur l-għajxien xieraq tal-anzjani u r-relazzjoni bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik żagħżugħa.

Min-naħa tiegħu, il-President George Vella wera apprezzament għall-ħidma li jwettaq il-kunsill u għar-relevanza tat-temi msemmija. Qal li filwaqt li s-soċjetà għandha tapprezza l-valur li għad għandhom, l-anzjani għad għandhom ħafna x’joffru billi, fost l-oħrajn, iservu ta’ gwida morali u edukattiva, u għalhekk huma riżors li wieħed għandu jkompli juża.

Il-President qal li l-kwistjoni tas-solitudni torbot direttament mas-saħħa mentali. F’dan l-isfond, kompla jgħid li ż-żjarat lill-anzjani jservu ta’ ġid kemm għalihom kif ukoll għal dawk li jkunu qed iżuruhom. Il-President għalaq billi saħaq fuq l-importanza li tinħoloq kuxjenza favur l-anzjani, u kif huma għandhom dritt jgħixu anzjanità attiva b’mod dinjituż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend