B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, miexi ġmielu x-xogħol fuq l-akbar zewġ proġetti li qiegħda twettaq Infrastruttura Malta għas-sajjieda.
Il-Kullħadd irrapurtat li s-sajjieda Xlukkajri kien ilhom żmien jitolbu biex jinbena breakwater fil-Ponta tal-Qrejten ħalli jkennilhom il-port ta’ Marsaxlokk.
Dan filwaqt li s-sajjieda Għawdxin se jkollhom faċilitajiet mtejba fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr.
Fir-rebbiegħa beda x-xogħol fuq il-proġett tal-Menqa b’investiment ta’ sitt miljun ewro biex jinbnew mill-ġdid il-mollijiet biex magħhom jitwaħħlu puntuni ġodda għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-port.
Sal-aħħar tal-proġett se jkunu tħammlu għoxrin elf metru kwadru ta’ qiegħ il-baħar fejn hemm mollijiet u puntuni.
Matul is-snin f’qiegħ il-baħar f’dawn l-inħawi nġemgħu kwantitajiet kbar ta’ ħama u materjali oħrajn, tant li s-sajjieda ma tantx kienu għadhom jistgħu jimmanuvraw il-bċejjeċ tagħhom mal-mollijiet. Din il-parti tal-port qed titnaddaf.
Gradwalment se jibdew jitpoġġew ukoll erba’ puntuni ġodda li se jkunu akbar minn dawk eżistenti, biex jiżdiedu madwar disgħin post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minnhom.
Fil-Menqa, Infrastructure Malta se tagħmel ukoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom.
Tlett xhur ilu beda ukoll ix-xogħol fuq il-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten. Iinvestiment ieħor ta’ €4 miljun biex jittejjeb l-aċċess u l-użu tal-Port ta’ Marsaxlokk.
Ix-xogħol miexi b’mod avvanzat u se jkun hemm Il-breakwater twil mal-mija u għaxar metri.
Madwar din l-istruttura, se jitqiegħed ġebel kbir biex ikisser il-mewġ u jżommu milli jidħol b’qawwa fil-port.
Il-Kullħadd irraġurtat li Infrastruttura Malta għadha kemm bniet u rranġat dawn l-istrutturi mill-ġdid permezz ta’ proġett separat b’investiment ta’ seba mitt elf ewro. Bl-aġenzija bħalissa għaddejja wkoll bl-ippjanar ta’ proġett ieħor sabiex tibdel u ttejjeb il-puntuni tas-sajjieda fl-inħawi tal-Magħluq.