L-abort. Min favurih u min kontra.
Propju fil-jum internazzjonali għall-abort sigur, għall-ewwel darba f’pajjiżna l-gruppi favur u kontra l-abort tellgħu dimostrazzjonijiet ġewwa l-Belt Valletta fl-istess ħin.
Id-dimostrazzjoni favur id-dritt li l-mara ttemm it-tqala tagħha, saret fil-ġnien ta’ Hastings fil-Belt, fejn għexjieren ta’ nisa kif ukoll irġiel li jaqblu mal-abort ingħaqdu flimkien biex titqajjem kuxjenza li mal-400 mara Maltija fis-sena tirrikorri għall-abort u fid-dawl tal-illegalità ta’ dan l-att, ħafna minn dawn jirrikorru għal mezzi perikolużi.
Iċ-chairperson tal-Women’s Rights Foundation Dr Andrea Dibben fissret kif l-għan tad-dimostrazzjoni hija li titmexxa l-karba tal-mara li jkollha d-dritt li tiddeċiedi dwar ġisimha.
“Nagħmlu awareness fuq ic-challenges li in-nisa Maltin jaffaċjaw biex jaċċessaw dan is-servizz ta’ saħħa li f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huwa xiħaġa li joħduħ for granted. Nafu li għal ħafna nisa li l-abort huwa realta, meta jgħaddu minn din l-esperjenza ma’ jistgħu jitkellmu ma’ ħadd. Iridu jżommu dan is-sigriet, jistgħu jiġu kkriminalizzati jekk jagħmluh hawn Malta bil-pilloli fuq l-internet għax hija xi ħaġa li tiġri wkoll,” saħqet Dr. Dibben.
Fid-dimostrazzjoni li tmexxiet mill-koalizzjoni voice for choice magħmulha mill-għaqdiet Doctor’s for Choice, il-Women’s Rights Foundation fost oħrajn, ġew irrakontati l-istejjer ta’ erba’ nisa differenti li rrikorrew għall-abort.
U ftit ‘il-bogħod fi Triq ir-Repubblika, il-grupp Pro Malta Christiana mexxa dimostrazzjoni favur il-ħajja, u kontra l-abort.
Preżenti għal din id-dimostrazzjoni kien hemm diversi individwi u għaqdiet magħrufin għall-appoġġ totali tagħhom favur il-ħajja.
Spikka l-intervent tas-Sur Joseph Borg, li ma’ ONE News spjega kif filwaqt li hawn ħafna nies li jaqbżu u jiddefendu diversi kawżi, ħadd m’hu qiegħed jiddefendi l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.
“Sfortunatament dik it-tarbija ma’ tistax tiddefendi ruħha u għalhekk importanti li issa kull wieħed u waħda minna jifhem ir-responsabilita li għandna mil-lum illi nfehmu lil kulħadd f’kull okkażjoni, kull opportunita li jkollna li għandna bżonn kelma waħda niddefendu din il-ħajja,” qal is-Sur Borg