Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia akkuża lill-gvern li injora diversi oqsma ta’ pajjiżna li fuqhom qed issir ħidma bla preċedent u sejħilhom bħala vittmi tal-politika ta’ dan il-Gvern.
F’kollegament fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li bid-dokument ta’ qabel il-baġit li ressaq il-Partit tiegħu qed jindirizza dik li sejjaħ bħala vittmi tas-suċċess.
Delia qal dan wara li f’dak li suppost kien mass meeting quddiem id-Dar Ċentrali attakka lill-Gvern għax fetaħ l-ewwel żewġ flyovers minn sebgħa fil-Marsa.
Fl-istess waqt din il-ġimgħa beda x-xogħol fuq il-park nazzjonali ġdid f’Ta’ Qali u park ieħor f’Bengħajsa biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Filwaqt li tħabbar ukoll li mija u sebgħin persuna applikaw għall-iskema tal-equity sharing biex isiru sidien ta’ djarhom u li s-sena d-dieħla jibdew jitqassmu l-ewwel units ġodda f’investiment ta’ mitt miljun ewro fl-akkomodazzjoni soċjali.
Dwar l-allegazzjonijiet minn stazzjon Franċiż li implika ditta legali tiftaħar li xi ħadd jista’ jagħlaq għajnejh għall-iskrutinju li jsir fl-applikazzjonijiet taċ-ċittadinanza b’investiment, Delia qal li l-Gvern ma ħax azzjoni.
Dan kien propju dak li għamel il-Gvern gurnata qabel ma Delia ħareġ jgħid li l-aġenti għandhom jiġu sospiżi minn din l-iskema sakemm jitemmu l-allegazzjonijiet. Saħansitra l-Gvern waqqaf l-applikazzjonijiet pendenti li kellha din id-ditta u qabbad ir-regolatur tal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment biex jinvestiga kull applikazzjoni li ngħatat minn din id-ditta ta’ avukati li għall-kuntrarju ta’ dak allegat, kellha wkoll dsatax fil-mija tal-applikazzjonijiet tal-klijenti tagħha rrifjutati.