Omm ta’ żewġt itfal tintbagħat il-ħabs wara li ġibdet ritratti pornografiċi ta’ wliedha – One News

Omm ta’ żewġt itfal tintbagħat il-ħabs wara li ġibdet ritratti pornografiċi ta’ wliedha

Omm ta’ żewġt itfal li ħadet ritratti ta’ wliedha għarwenin biex tużahom kontra żewġha fi proċess ta’ separazzjoni ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li l-qorti sabitha ħatja li pproduċiet u li kienet fil-pussess ta’ materjali pornografiku ta’ tfal.

Il-qorti qieset il-każ bħala wieħed gravi għall-fatt li r-ritratti nġibdu minn omm it-tfal li hija wkoll għalliema.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli ordnat li isem il-mara jitniżżel fir-reġistru tal-pedofeli u hija ġiet ipprojbita milli taħdem mat-tfal inkluż fil-qasam edukattiv.

Fil-qorti ngħad li l-mara li għandha 36 sena u li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti, spiċċat investigata mill-pulizija wara li wriet xi ritratti ta’ wliedha u ta’ żewġha għarwenin flimkien lill-kollegi tagħha fuq il-post tax-xogħol.

Il-każ seħħ meta wieħed minn uliedha kellu tliet snin u ieħor kellu sena. Hija qalet lill-pulizija li kienet se tissepara minn ma’ żewġha li kien jiġri fid-dar għarwien. Qalet li riedet tuża r-ritratti fil-proċess ta’ separazzjoni biex turi lill-Qorti li ma kienx idoneu biex ikun mat-tfal.

Hija żiedet tammetti li ħadet ritratti ta’ wliedha għarwenin flimkien ma’ żewġha li wkoll kien ikun għarwien. Dan għax qalet li kien ta’ eżempju ħażin għalihom u li binha kien jirrifjuta li jilbes il-ħwejjeġ għax kien qed jagħmel bħal missieru.

Hija saħqet li r-ritratti ma kinux indiċenti jew pornografiċi. Fil-fatt il-qorti qieset li xi wħud mir-ritratti ma kinux indiċenti.

Madankollu mhux l-istess seta’ jingħad għal ritratti fejn uliedha dehru jippożaw għarwenin b’mod erotiku flimkien ma’ missierhom li kien ikun għarwien ukoll. Kien hemm ukoll xi ritratti fejn it-tfal dehru jmissu l-parti privata ta’ missierhom.

Il-Maġistrat Demicoli qalet li l-ispjegazzjoni tal-omm li kienet qed tippjana li tuża r-ritratti bħala evidenza kontra żewġha ma kinitx leġittima. Hija żiedet tgħid li l-mara ma pprovatx lanqas li kienet se tibda proċess ta’ separazzjoni.

Il-Qorti qalet li l-mara ma tistax taħrab mir-responsabbiltà li ħadet ritratti kompromettenti ta’ wliedha, li żammithom, li għaddiethom lil persuna oħra fuq pen drive biex tistampahom u li wriethom lill-kollegi tagħha tal-iskola biex jagħtuha parir dwar is-separazzjoni. Din mhix kredibbli u lanqas skużabbli,” qalet il-qorti.

Il-Qorti sabitha ħatja li kellha ritratti pornografiċi ta’ wliedha u bagħtitha tliet snin ħabs.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *