Kultura u Divertiment waqt l-attività ‘Connecting Through Culture’ – One News

Notifiki

Kultura u Divertiment waqt l-attività ‘Connecting Through Culture’

Għall-5 sena konsekuttiva se tkun qed terġa’ tittella’ l-attività kulturali “Connecting Through Culture” mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex. L-attività se tkun qed tittella fil-Yacht Marina ta’ Ta’ Xbiex nhar is-Sibt 28 ta’ Settembru 2019 mis-18:00 ‘il quddiem.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw aktar minn 12-il pajjiż.

L-għan ta’ din attività huwa li tgħaqqad nies minn nazzjonijiet differenti permezz tal-kultura, filwaqt li ttella’ spettaklu b’artisti lokali u internazzjonali, grazzi għall-involviment ta’ numru ikbar ta’ missjonijiet diplomatiċi, ambaxxati jew residenzi f’Ta ‘Xbiex, kif ukoll oħrajn li jinsabu barra minn din il-lokalità. Ta’ Xbiex hija l-lokalità li għandha l-aktar ambaxxati f’pajjiżna. Bħas-snin ta’ qabel, kull ambaxxata parteċipanti, u naturalment il-Kunsill Lokali ta’ Ta ‘Xbiex, ser jippreżentaw il-kultura tal-pajjiż rispettiv tagħhom permezz ta’ mużika, patrimonju kulturali, zfin u ikel tradizzjonali, fosthom permezz ta’ gruppi ta’ zfin tas-Samba u l-Flamenco u anke gruppi folkloristiċi Maltin u Griegi. Se jkun hemm ukoll divertiment minn artisti internazzjonali u logħob għat-tfal.

Fost il-pajjizi li ħa jkunu rrapreżentati hemm l-Awstralja, l-Italja, l-Brazil, Cina, Palestina, Kuwait, Spanja, Grecja, Tunezija u bosta ohrajn li ha jippartecipaw ghall-ewwel darba.

Min naħa tiegħu s-Sindku Max Zammit sostna li din l-attività dejjem qed tikber u issa daħlet sew fil-kalendarju tal-Maltin, tat-turisti u kif ukoll tal-barranin li jgħixu Malta u ta’ kull sena aktar nies qed jattendu. Huwa qal li din l-attività sservi wkoll biex il-familji Maltin jifhmu aktar dwar il-kulturi differenti ta’ madwar id-dinja. Irringrazzja wkoll lil President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca, li dejjem appogjat din l-attivita` sena wara l-oħra.

Id-dħul huwa b’xejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend