Il-Gvern b’surplus ta’ kważi €84 Miljun fl-ewwel tmien xhur tas-sena – One News

Notifiki

Il-Gvern b’surplus ta’ kważi €84 Miljun fl-ewwel tmien xhur tas-sena

Fl-istess jum li l-midja tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħarġet tgħid li l-kelma surplus sparixxiet mill-vokabolarju tal-Gvern, ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel tmien xhur tas-sena, il-Gvern kellu surplus ta’ kważi erbgħa u tmenin miljun ewro.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel tmien xhur tas-sena, il-Gvern kellu surplus ta’ €83.9 miljun.

Iċ-ċifri tal-NSO juru bejn Jannar u Awwissu li għadda, id-dħul tal-Gvern żdied b’€446 miljun għal €3,190 miljun. Dan kien ifisser żieda ta’ 16.3 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. L-akbar żidiet fid-dħul kienu rreġistrati mit-taxxa tad-dħul, mit-taxxa tal-VAT u mill-kontribuzzjonjiet tas-Sigurtà Soċjali fost l-oħrajn.

In-nefqa totali tal-Gvern ukoll żdiedet b’€271.4 miljun għal €3,106 miljun jew b’aktar minn 13 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Miċ-ċifri joħroġ ukoll li l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-Gvern naqsu bi €12.6 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

L-NSO żied jgħid li n-nefqa kapitali tal-Gvern bejn Jannar u Awwissu żdiedet b’aktar minn mitt miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u telgħet għal €313-il miljun.

L-uffiċċju tal-istatistika żied jgħid li sal-aħħar ta’ Awwissu li għadda, id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern wasslet għal surplus ta’ €83.9 miljun fil-fond konsolidat tal-Gvern. Dan meta fl-istess perjodu s-sena li għaddiet il-Gvern kien irreġistrat defiċit ta’ €3.1 miljun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend