“Għada l-aħħar ġurnata tal-ħanut – grazzi ta’ kollox” – l-aħħar skarpan Rabti – One News

“Għada l-aħħar ġurnata tal-ħanut – grazzi ta’ kollox” – l-aħħar skarpan Rabti

Dan huwa Freddie Caruana, l-aħħar skarpan li għad baqa’ fil-Belt siekta tar-Rabat Malta. 

Freddie, mimli b’enerġija żagħżugħa fl-eta ta’ 71 sena, ilu għal dawn l-aħħar 40 sena jbakkar ma’ tlugħ ix-xemx, sabiex wara li jieħu kikra te bil-lumi, mat-tokki tal-Anġelus jiftaħ il-kmajra ċkejkna li fiha jsewwi ż-żraben.

Iżda f’dan l-aħħar jiem, mal-bieb tal-ħanut li ilu miftuħ għal aktar minn 100 sena, Fredu dendel avviż miktub bl-idejn li ħadd ma kien qed jistenna: “Is-Sibt 28 ta’ Settembru l-aħħar ġurnata tal-ħanut. Grazzi ta’ kollox.”

Biex b’dan l-avviż spiċċat issa s-sengħa tal-iskarpan fir-Rabat.

Intant, lejlet li Fredu jagħlaq darba u għal dejjem il-ħanut li fih isewwi ż-żraben, Crew ta’ ONE News żar il-kmajra ċkejkna, imdawra b’santi tal-qaddisin u tal-familja tiegħu, fejn hemmhekk rajna lil Fredu jsewwi l-aħħar ftit żraben tiegħu b’magna tal-ħjata antika u għodda antiki li jużaw l-iskarpana.

Waqt li konna ħdejn Fredu, daħal ukoll wieħed mill-aħħar klijenti regolari tal-iskarpan, li b’qalba maqsuma, waqt li tah qorq biex isewwihulu, rringrazzja lil Fredu ta’ kull ma għamel miegħu.

Fredu qalilna li l-ħajra għal din is-sengħa nibtet fih minn missieru, li wkoll qatta’ ħajtu jaħdem f’din il-kamra bħala skarpan.

Freddie qalilna li “Kont il-fabbrika u nsewwi d-dar għand ommi imbagħad missieri qalli ejja hawn qalli umbgħad forsi titlaq mill-fabbrika.”

Ir-Rabti semma kif darba fi żmien missieru ir-reġina Eliżabetta kienet ħadet żarbun biex isewwuwulha.

Freddie tenna li “Kienet ġiet ir-reġina hawn u fuq għajnejh għamillha sandli u ma’ ġiex is-sandli, imbagħad meta kejlulha saqajha kienet waħlet mill-ewwel, jiġifieri missieri kellu raġun għax is-sandli kien perfett.”

B’qalb maqsuma li issa ser jonqos skarpan u mhux ser jerġgħha jiżdied ieħor minħabba t-teknoloġija moderna tal-lum il-ġurnata, Freddie qalilna li din is-sengħa ser tispiċċa minħabba li x-xogħol m’għadux kif kien qabel.

“Qegħdin jonqsu qegħdin jonqsu ħafna din is-sengħa, qabel kelli aktar xogħol biex ngħidlek”, sostna Freddie.

U ma naqasx li issa wara dawn is-snin kollha ta’ ħidma lejn u nhar, xemx u xita,  insaqsu lil Freddie x’ser ikun qed jagħmel b’ħajtu…

Meta ġie mistoqsi issa x’beħsibek tagħmel, Freddie wieġeb “Issa xejn induru l’hawn u l’hemm…tgawdi l-ħajja? Ingawdu naqra l-ħajja għandi 71.”

U b’din l-intervistà ħallejna lil Freddie Caruana jgawdi l-aħħar ftit mumenti tiegħu f’dan il-ħanut li qatta’ ħajtu fih, għaliex minn għada din il-kmajra ser taqa’ f’idejn il-privat biex tiġi żviluppata.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend