ARA: Kunċert mill-banda tal-armata u tal-pulizija fil-Belt – One News

Notifiki

ARA: Kunċert mill-banda tal-armata u tal-pulizija fil-Belt

Ta’ spiss narawhom jaħdmu flimkien fuq operazzjonijiet delikata u nhar is-Sibt se narawhom jikollaboraw b’għadd ta’ noti ħelwin. 

Dan għaliex l-kapitali ta’ pajjiżna se tiżewwaq bl-isbaħ melodiji tal-Forzi Armati u l-korp tal-Pulizija li l-baned tagħhom se jingħaqdu flimkien għal kunċert mużikali hekk kif se tingħalaq il-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku.

ONE News tkellem mas-surmast tal-banda tal-korp tal-Pulizija Anthony Cassar li qal kif il-mużiċisti qed jagħmlu għadd ta’ sagrifiċċji sabiex jkollhom mużika ta’ ċertu livell.

Cassar stqarr li “Bħalissa qed nipreparaw l-ewwel waħda għal kunċert tal-ġimgħa taċ-ċivil mtella’ mil-OPM illli se jsir fit-28 ta’ Settembru fil-Belt Valletta, se nkunu aħna u l-banda tal-forzi armati flimkien mad-drill teams tal-Pulizija u tal-armata ukoll.”

Dan il-kunċert se jibda b’marċ minn quddiem il-parlament sal-pjazza San Ġorġ fejn ser jitkompla l-bqija tal-ispettaklu.

Is-surmast tal-banda tal-Forzi Armati Jonathan Borg qal li din is-sena waqt il-kunċert se jkun hemm numru ta’ affarijiet ġodda.

Borg sostna li“Għal din is-sena għall-ewwel darba se jieħu sehem ukoll id-drill team tal-Forzi Armati ta’ Malta li permezz tal-banda li se tkun qed idoqq marċ huma se jagħmlu movimenti sinkronizzati mad-daqq tal-marċ. Wara li jibda l-programm ukoll is-sezzjoni tad-drums tagħna ħa jagħmlu movimenti ma’ siltiet li aħna nkunu qegħdin indoqqu.”

Il-kunċert mistenni jagħti gost lil dawk preżenti kollha. Kemm bil-livell għoli ta’ mużika li se tindaqq kif ukoll bil-varjetà hekk kif dawk li se jsegwu dan il-kunċert se jisimgħu siltiet ta’ musicals bis-sehem tal-kantanta Tiziana Calleja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend