Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi żar is-sett tal-film ‘The Curious Life of the Grand Duke of Corsica’ li qed jinġibed f’Villa Rosa f’San Ġiljan.
Il-film komiku bi produzzjoni Ingliża u Maltija jara s-sehem tal-attur Timothy Spall fl-irwol ta’ arkitett li jkun mqabbad minn duka biex jagħmel xi xogħol f’Malta.
Matt Hookings, wieħed mill-producers, spiega li l-film qed jinġibed f’diversi lokalitajiet f’Malta.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-film qed jiġi nċentivat mill-Malta Film Fund. Spjega li din is-sena ġew Malta mal-għoxrin film differenti u għaldaqstant jinsab ottimist għas-sena li ġejja.
Il-Ministru għat Turiżmu Konrad Mizzi qal li Malta qed tkompli tistabbillixi ruha bħala l-post naturali fejn jinġibdu l-films. Qal li l-kalendarju għal din is-sena huwa ppakjat u se jibqa’ hekk sal-aħħar tas-sena.
Huwa nnota wkoll li minbarra dan il-film, bħalissa qed jinġibdu 3 produzzjonijiet oħra fl-istess ħin.
Saħaq li l-pjanijiet ikomplu għaddejjin biex Malta tkun tista’ tilqa’ produzzjonijiet tul is-sena kollha, dan permezz tal-installazzjoni ta’ sound stage fost l-oħrajn.