It-teżorier il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Antoine Zammit mar fuq il-Facebook sabiex jitlob parir fuq il-“bankink” tal-Partit Nazzjonalista.
F’Awwissu li għadda, Zammit inħatar teżorier tal-Partit Nazzjonalista, u jidher li diġà qiegħed isibha diffiċli ferm sabiex imexxi l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista li fi kliem il-Kap Nazzjonalista nnifsu ma tantx jinsabu f’qagħda tajba.
Fil-fatt Zammit kellu jirrikorri għall-għajnuna ta’ grupp ristrett għan-Nazzjonalist fuq Facebook bl-isem Grupp PN. Huwa talab lin-Nazzjonalisti biex jippruvaw jgħinuh fuq xi ħaġa relata mal-“bankink” tal-Partit.
Dan il-messaġġ ġie żvelat ma’ One News mingħand Nazzjonalisti li qegħdin f’dan l-istess grupp.
Qegħdin nifhmu li b’dan il-messaġġ, Antoine Zammit talab għajnuna ta’ persuni intiżi fil-finanzi biex jgħinuh kif se jħaddem is-sistema finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.
Zammit kien l-uniku persuna li applika biex jidħol għal din il-kariga wara li ġie mħeġġeġ biex jagħmel dan mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Antoine Zammit, magħruf bħala ‘Mater Dei tal-kompjuters’, ikkontesta għall-elezzjoni tal-kunsill lokali f’isem l-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar. Iżda naqas milli jiġi elett.
Huwa ħa post David Camilleri li f’Ġunju li għadda rriżenja f’nofs kontroversja kbira wara li vvota fl-fil-laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li matulha kellu jimtela’ s-siġġu battal tal-ex deputat David Stellini.
Charles Selvaggi, negozjant u kunsillier fl-Imsida kien l-uniku persuna li ħareġ għal din il-kariga, iżda rtira n-nomina tiegħu ftit qabel il-vot.
Għaldaqstant, il-Kap Nazzjonalista kellu jirrikorri għas-sid tal-ħanut tal-‘Mater Dei tal-kompjuters’ biex jidħol għal din il-kariga sensittiva li ġġorr magħha responsabbilitajiet mhux żgħar.
Il-fazzjoni Busuttil kienet diġà bdiet turi dubji kbar dwar il-ħiliet fil-finanzi ta’ Zammit biex jipprova jfejjaq is-sitwazzjoni mwiegħra li jinsabu fiha l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
U jidher li dan il-messaġġ, tat-teżorier il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista kien iċ-ċirasa fuq il-kejk.