Tlesta xogħol ta’ tisbiħ u rinovar fil-Berġa ta’ Ħaż-Żabbar f’waħda minn sensiela ta’ Bereġ ta’ Saħħa fil-komunita li qegħdin jiġu rrinovati.
Dan biex tintlaħaq il-mira tal-gvern li jkun hemm Berġa tas-Saħħa f’kull belt u raħal f’pajjiżna ħalli jitqarrbu s-servizzi mediċi lejn in-nies.
Minbarra li se jibqgħu jingħataw s-servizzi ta’ tabib tal-familja u nfermier, din il-Berġa se toffri wkoll servizzi tat-teħid tad-demm, kemm għaż-Żabbarin kif ukoll għar-residenti tax-Xgħajra, Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun. B’hekk din il-faċilita se tolqot madwar 52,000 resident.
Dan is-servizz se jwassal biex jitnaqqas l-iskariċċ għar-residenti, u jitnaqqsu l-kjuwijiet fiċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li permezz ta’ dawn il-bereġ fil-komunita, jħalli wkoll effett fuq il-pazjent hekk kif huwa pprovat li meta s-servizz ikun eqreb tal-pazjent, dan għandu iktar ċans jikkonkorri għas-servizzi tas-saħħa milli kieku s-servizz jkun offrut fl-isptar.
Dan ifisser li ssir dijanjożi ta’ problema qabel ma’ din tinfirex.