Il-President tal-fergħa tal-Partit Nazzjonalista,Team Start, Thomas De Martino qal li l-Partit Nazzjonalist miss il-qiegħ.
De Martino kien qiegħed jikkummenta fi grupp ristrett għan-Nazzjonlisti biss fuq Facebook.
F’dan il-grupp, matul din il-ġimgħa kien hemm sensiela ta’ messaġġi ta’ Nazzjonalisti ddiżappuntati u mdejqa bl-organizzazjoni tal-festi tal-indipendenza li mill-fosos tal-Furjana mxew barra għad-Dar Ċentrali.
Ma’ dawn in-Nazzjonalisti, ingħaqad ukoll Thomas De Martino li kiteb li “Iva missejna l-qiegħ” b’referenza għall-organizzazzjoni tal-festi tal-Indipendenza mit-tmexxija Nazzjonalista.
De Martino huwa biċċa waħda mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u minkejja li ġej mill-fazzjoni tiegħu, akkuża lill-Partit Nazzjonalista li miss il-qiegħ.
Il-kumment ta’ De Martino jingħaqad ma’ sensiela ta’ kummenti oħra.
“A big flop,” kiteb xi ħadd fost ħafna kummenti ta’ rabja għal min ħa ritratti minn ġewwa d-Dar Ċentrali u xerridhom biex juri kemm l-attività kienet batuta.
“Farraktuh partit,” kiteb ħaddieħor li qal li jiddispjaċih li l-partit wasal s’hawn u fetħilha fuq dawk id-deputati li lanqas wara l-attivitajiet ma’ kienu wara Delia.
Bħalissa fil-Partit Nazzjonalista hemm rabja kbira lejn is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli u l-Viċi-Kap, Robert Arrigo, għax qatlu l-festi tal-indipendenza.
Bl-ikbar dizappunt ikun is-suppost mass meeting barra d-Dar Ċentrali li għalih attendew ftit mijiet ta’ partitarji Nazzjonalisti.