Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li huwa kontra li l-Awtorità tad-Djar tivestiga rapporti ta’ persuni li qegħdin jgħixu fil-kera fejn is-sid jonqos milli jirreġistra l-kuntratt tal-kirja.
Din hija waħda mill-miżuri ewlenin fir-riforma tal-liġi tal-kera li għall-ewwel darba se tkun qed tirregola dan is-settur/ Riforma li sabet l-appoġġ ta’ bosta għaqdiet soċjali.
Madankollu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħareġ jallega li b’din ir-riforma l-Gvern irid jaħtaf il-proprjetajiet tan-nies biex skont hu jagħmel biha dak li jrid.
Mistoqsi minn ONE NEWS jispeċifika x’klawżoli hemm fil-liġi li bihom il-Gvern jista’ jaħtaf id-djar tan-nies, Delia qabad ifajjar numru ta’ klawsoli fl-abbozz ta’ liġi li mkien ma jissostanzjaw dak li qed jgħid.
Dikjarazzjoni li kienet imxejna wkoll minn għoxrin għaqda soċjali fejn qalulu li ma jafx x’inhu jgħid. Dan wara li sostna wkoll li għandha tkun il-qorti u mhux l-Awtorità tad-Djar li tinvestiga jekk kuntratt jiġi reġistrat jew le minn sid il-kera.
Wara li fil-Parlament, l-Oppożizzjoni vvotat favur din ir-riforma, Delia issa naqas milli jiddikjara jaqbilx magħha jew le.
Intant, Adrian Delia mar quddiem il-parlament jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Il-Partit Laburista qal li għax m’għandux xi jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, spiċċa jivvinta waħda ġdida kuljum.
Fil-fatt, wara li l-gvern kien pront ħa l-passi kollha meħtieġa, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid xi ħaġa differenti ma’ kull jum li jgħaddi.
Il-Partit Laburista qal li r-reazzjoni ta’ Delia fuq ir-rapportaġġ dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment qed tibqa’ tinbidel il-ħin kollu.
Filli jkun irid ħaġa u filli jkun irid oħra.L-aħħar mossa ta’ Delia hi dik li jitlob il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jiddiskuti s-suġġett. Il-Partit Laburista m’għandu ebda diffikulta jsir dan fil-mument opportun, temmet tgħid l-istqarrija.