Ċentru ta’ opportunitajiet għall-persuni kreattivi f’pajjiżna – One News

Ċentru ta’ opportunitajiet għall-persuni kreattivi f’pajjiżna

Konferenza ta’ ġimgħa f’pajjiżna bl-isem ‘Trojan Horse Was A Unicorn’ ressqet bosta mħuħ kreattivi minn madwar id-dinja sabiex flimkien jimirħu f’dixxiplini differenti ta’ kreattività professjonali.

Din il-konferenza li qed issir għat-tieni sena konsekuttiva f’pajjiżna f’Dar il-Mediterran u Sant Iermu fiha attivitajiet minn oqsma differenti fosthom films, logħob diġitali u effetti viżwali.  Fiha isiru workshops interesanti minn uħud mill-aqwa talenti fid-dinja b’uħud huma wkoll rebbieħa ta’ academy awards.

L-1,200 ruħ li din is-sena qed jattendu għal din il-fiera kbira ta’ kreattività, ħallsu flejjes kbar sabiex mhux biss jattendu l-workshops iżda wkoll ikollhom opportunità ipoġġu bilqiegħda fuq l-istess mejda ma’ min jista’ joffrilhom opportunità ta’ impjieg.

Dan hekk kif bosta kumpaniji internazzjonali jattendu u jfittxu mħuħ kreattivi li għandhom il-potenzjal jaħdmu magħhom waqt sessjonijiet apposta ta’ reklutaġġ.

L-organizzatur ta’ dan il-festival, Andre Luiz saħaq li Malta hija l-post ideali biex tilqa’ lil dawn l-imħuħ kreattivi u tispirahom.

Anthony David Gatt, maniġer għall-promozzjoni tal-investiment fil-Malta Enterprise, qal li l-aġenzija tieħu ħsieb li jiġu kumpaniji barranin lejn Malta li jaħdmu f’dan il-qasam u li jkun hemm il-viżibiltà neċċessarja għall-karrieri.

Stqarr kif  flimkien ma’ Gaming Malta qed isir xogħol kbir sabiex jintefa dawl fuq dawn l-industriji ġodda ta’ kreattivitá, fosthom fil-films u l-industrija tal-logħob diġitali.

Filwaqt li s-sena l-oħra għall-ewwel edizzjoni f’pajjiżna attendew biss ftit studenti Maltin, din is-sena madwar mitt Malti għarfu l-potenzjal u l-opportunitàjiet li joffri dan l-avveniment.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend