Jinżammu arrestati wara li pruvaw jisirqu anzjana – One News

Notifiki

Jinżammu arrestati wara li pruvaw jisirqu anzjana

Leslie Farrugia ta’ 27 sena u Susanne Camilleri ta’ 33 sena ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti minħabba li pruvaw jisirqu anzjana. Il-każ imur lura għall-11 ta’ Settembru li għadda fil-Fgura fejn iż-żewġ akkużati pruvaw jisirqu anzjana ta’ 80 sena. Camilleri kienet akkużata wkoll li kkawżat ġrieħi ħfief fuq il-vittma u Farrugia kien akkużat li kiser il-libertà tal-ħelsien mill-arrest fost l-oħrajn.  

Il-Qorti semgħet kif l-allegat reat huwa gravi għaliex il-vittma kienet anzjana. Dan minkejja rreżistiet lill-akkużati b’mod li eventwalment waqfithom milli jisirquha.

L-imputati, li fil-Qorti qalu wkoll li m’għandhomx impjieg, ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li ż-żewġ akkużati għandhom rekord kriminali u ċirkostanzi differenti.

Id-difiża nnutat li t-triq fejn seħħ ir-reat hija mgħammra b’kameras tas-sigurtà, u talbet biex il-Qorti taħtar espert biex jiġbor il-filmati u jippreżentahom fis-seduta li jmiss.

Il-Qorti ma laqgħatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Jidher ukoll li Farrugia argumenta mal-ispettur fwar dan, iżda waqaf hekk kif il-Qorti wissietu li kienet se timmultah €5,000.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend