60,940 student lura lejn l-iskola – One News

Notifiki

60,940 student lura lejn l-iskola

Aktar minn 60,000 student mill-iskejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti, reġgħu lura għall-bankijiet tal-iskola għal sena skolastika ġdida. 

Wara l-btajjel tas-sajf, fil-jum tal-Erbgħa l-iskejjel tal-istat reġgħu fetħu l-bibien biex laqgħu fihom aktar minn 36,000 student tal-primajra u sekondarja, u 6,900 edukatur.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni nnota b’sodisfazzjon li din is-sena skolastika hemm żieda fuq is-sena l-oħra fl-ingaġġ tal-edukaturi. Fil-fatt din is-sena se tara 200 għalliem ġdid, 105 kindergarten assistants ġodda u 118 il-learning support educators.

Magħhom 80 class support LSEs fil-kindergarten 1.

Minn din is-sena bdiet ukoll ir-riforma fil-qasam edukattiv bil-programm My Journey fejn madwar sittin fil-mija tal-istudenti tal-year 9 se jibdew jitgħallmu suġġett vokazzjonali jew applikat. Għal dan il-għan sar investiment ta’ 12-il miljun ewro f’bini ta’ tmenin state of the art workshop ġdid.

Fi tmiem l-ewwel jum tal-iskola, tkellimna mal-istudenti tal-iskola primarja ta’ Raħal Ġdid. Minkejja li spiċċaw il-btajjel, l-istudenti dehru ferħana għax regħu ltaqgħu ma’ sħabhom.

Malli xirfu ‘l barra mill-bieb tal-iskola spjegawlna x’għamlu fl-ewwel jum tal-iskola u qalulna li kienu kuntenti li minn dis-sena setgħu jibdew imorru bit-tracksuit tal-iskola.

Uħud mit-tfal li tkellmu ma’ ONE News qalulna: “Nilgħab mal-ħbieb tiegħi, npinġi”

“L-ewwel għamilna test żgħir. Lgħabna. Ħadna lunch imbagħad qrajna ktieb.

“I met my friends I was really happy”.

“Għamilna diary u għadna niktbu”.

“Għamilna naqa crafts u tgħallimna naqa fuq it-teacher”.

Il-ġenituri ħadu wkoll ftit tan-nifs li wliedhom reġgħu lura l-iskola.

ONE News tkellem ukoll ma’ xi ġenituri:

“Trid tleħħaq mat-tlieta. Uniformijiet. Tiġi u tagħmel il-homework”.

“Ferħ għax it-tfal iridu jitgħallmu. J’alla jkollha skola kif tixtieq hi”.

“Timmisjhom. Jerġa’ jibda bir-rutina imma jitgħallmu”.

“Jitgħallmu biex jikbru naqa oħra u nimxu ’l quddiem”.

Matul il-btajjel, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien għaddej b’investiment ma jaqta’ xejn f’għexieren ta’ skejjel fejn tbajdu 23,000 metru ta’ kurituri u sitt mija sitta u tletin klassi.

Tlesta x-xogħol ta’ tistbih f’binja ewlenija tal-iskola sekondarja taż-Żejtun u nbnew klassijiet ġodda fl-iskola sekondarja f’Ħad-Dingli.

Sar tisbiħ tal-faċċati tal-iskejjel primarji fil-Belt, fil-Pietà u l-Fgura. Filwaqt li qed jinbena pont ġdid li ser jgħaqqad il-blokok flimkien tal-iskola sekondarja fil-Liċeo tal-Ħamrun.

Fis-stqarrija l-Ministeru għall-edukazzjoni awgura sena skolastika tajba lil kull edukatur, student u ġenituri.

Qal li l-mira hija li jibqa’ jkollna sistema edukattiva dejjem aħjar u li tilħaq dejjem aktar tfal u studenti biex ilkoll ikollhom l-aħjar opportunitajiet biex jimmaturaw, jitgħallmu, u jkunu ċittadini attivi u kuntenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend