Il-Wasteserve tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi – One News

Il-Wasteserve tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi

Il-kumpanija Wasteserv ċaħdet  l-allegazzjonijiet tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li l-inċineratur tal-Marsa qed imarrad lill-ħaddiema. 

Fi stqarrija  spjegat li kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà jittieħdu b’serjetà kbira.

Il-kumpanija qalet li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jingħad kien biss impjegat wieħed li f’Settembru ħassu ma jiflaħx waqt jum tax-xogħol u ttieħed f’Ċentru tas-Saħħa għall-osservazzjoni.

Dan filwaqt li spjegat li l-inċineratur  li sar fl-2007, jaħraq karkassi tal-annimali u skart mediku u għalhekk huwa normali li jiġġenera ċertu rwejjaħ.  Madankollu, assigurat li din ir-riħa mhux tossika u ma tagħmilx ħsara.  Dan għax l-emissjonijiet mill-impjant jiġu ttrattati qabel joħorġu fl-atmosfera.

Il-Wateserve nnutat wkoll kif l-operazzjonijiet fl-impjant isiru skont il-permess mogħti għat-tħaddim tal-inċineratur u għalhekk l-emissjonijiet huma ssorveljati b’mod regolari.

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ ntiena fl-impjant ta’ Sant’Antnin,  il-kumpanija Wasteserv qalet li qed tinvesti f’makkinarju apposta biex it-trattament tal-borża l-bajda jsir aħjar u b’mod aktar mgħaġġel u b’hekk titnaqqas ukoll ir-riħa li dan jiġġenera.

Saħqet kif fl-impjant ta’ Sant’Antnin m’hemm l-ebda għadajjar jintnu iżda l-unika għadajjar li jkun hemm huma frott it-tindif kontinwu tal-post.

Il-Wasteserve tenniet il-wegħda tal-Gvern li fi żmien seba’ snin tagħlaq l-impjant ta’ Sant’Antnin u minflok l-iskart organiku jkun ittrattat f’faċilitajiet moderni fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Dan filwaqt li l-Wasteserve mistennija tiftaħ linja ġdida temporanja ta’ seperazzjoni tal-iskart fl-impjant ta’ Sant Antnin.

L-istqarrija temmet tgħid li waqt li ħsarat fil-makkinarju huma inevitabbli, l-azzjoni biex dan jissewwa tittieħed malajr kemm jista’ jkun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend