Sajf rekord għat-turiżmu f’Għawdex – One News

Notifiki

Sajf rekord għat-turiżmu f’Għawdex

Fis-sajf li għadna kif ħriġna minnu reġa’ kellna tkabbir ekonomiku f’Għawdex, hekk kif kompla jispikka s-suċċess fil-livelli varji tas-settur turistiku. 

Ċifri uffiċjali mill-Gozo Channel juru li matul is-sajf xejn inqas minn 1,872,000 passiġġier, u 550,000 vettura qasmu minn u lejn Għawdex.

Dan sar permezz ta’ aktar minn tmint elef u tlett mitt vjaġġ li operat il-kumpanija, ħafna minnhom lil hinn mill-iskeda normali tas-sajf. Dan juri żieda ta’ 3.4% f’passiġġieri u 7.7% fil-vetturi fuq is-sajf tal-2018.

B’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija Joe Muscat qal li dan is-sajf kien fl-istess livell tas-snin li għaddew, fejn in-numru ta’ turisti lejn Għawdex, kemm dawk barranin kif ukoll dawk Maltin, komplew jiżdiedu kull sena.

Żied li l-prospetti għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru jidhru sbieħ, u dan juri li l-isfida tal-istaġjonalità qed tiġi mtaffija anke permess tad-diversi attivitajiet li qed joħolqu kalendarju kulturali li jkompli jagħti awtentiċità lill-offerta turistika Għawdxija.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet iċ-ċifri mħabbra mill-Gozo Channel u sostniet li Għawdex saret attrazzjoni turistika tul is-sena kollha.

Hija attribwiet din iż-żieda għal bosta fatturi fosthom il-kalendarju mimli daqs bajda ta’ kull ġimgħa b’festivals tematiċi, spettakli ta’ kultura u divertiment popolari, kif ukoll promozzjoni aktar effettiva tal-patrimonju naturali, artistiku u storiku li joffri Għawdex.

Hija irreferiet ukoll għas-suċċess enormi li ġab miegħu r-raba’ vapur mal-flotta tal-Gozo Channel li kien strumentali biex mijiet ta’ eluf ta’ vjaġġaturi ngħataw servizz b’aktar effiċjenza u konvenjenza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend