It-twettiq tal-miżuri tal-budget iħejju għal iżjed suċċess – One News

Notifiki

It-twettiq tal-miżuri tal-budget iħejju għal iżjed suċċess

F’konferenza stampa bit-tema ‘Ngħixu s-suċċess’ is-Segretarji Parlamentari Deo Debattista u Silvio Schembri taw rendikont tal-miżuri imwettqa mill-Budget għal din is-sena. 

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li fost il-miżuri implimentati twaqqaf qafas regolatorju stabbilit mill-Awtorità tal-Mediċini li permezz tiegħu, prodotti ta’ kannabis għall-użu mediku setgħu jibdew jinxtraw mill-pazjenti mill-ispiżeriji lokali.

Qal li l-awtoritá wettqet ukoll spezzjonijiet f’siti li jimmanifatturaw il-kannabis f’pajjiżi terzi, bħall-Kanada u dawn se jkomplu wkoll f’faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali f’Malta.

Stqarr kif permezz ta’ akkademja, l-awtoritá qed issaħħaħ it-taħriġ għall-professjonisti kemm fuq il-kannabis mediċinali kif ukoll f’oqsma oħra fejn jidħol l-apparat mediku.

Is-Segretarju Parlamentari, Deo Debattista stqarr li “Hija l-intenzjoni tagħna li bħalma qed nistabilixxu jew aħjar stabilixxjena ruħna f’dak li għandu x’jaqsam mal-medical cannabis l-istess bħala regolazzjoni, kif ukoll assessment fuq medical devices insiru awtoritá mondjali”.  

Is-Segretarju Parlamentari għas-servizzi finanzjarji Silvio Schembri stqarr li din is-sena twettqu miżuri li saħħew l-irwol tar-regolatur finanzjarju kif ukoll l-awtonomija u l-indipendenza tal-MFSA.  Dan hekk kif issa l-finanzjament u r-reklutaġġ qed jiġu deċiżi direttament mill-awtorità.

Semma li matul is-sena saru bosta sforzi biex ikunu esplorati niċeċ ekonomiċi ġodda fosthom dak tal-intelliġenza artifiċjali. Dan wara li daħlu fis-seħħ liġijiet dwar id-DLT u l-blockchain.

Aktar minn hekk, semma t-tnedija tal-viżjoni għall-eSports u l-iżvilupp tal-logħob diġitali bil-mira hi li din l-industrija tikber b’1% tal-Prodott Domestiku Dross u toħloq 3000 impjieg ġdid ta’ kwalità.

Is-Segretarju Parlamentari, Silvio Schembri sostna li “Qed nibnu ekosistema b’saħħitha li allura investitur ikollu iktar minn raġuni waħda għalfejn jiġi f’pajjiżna. U dak illi qed nagħmlu billi niggarantixxu futur għall-ekonomija tagħna”. 

Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll it-twaqqif ta’ Tech.mt b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ li qed isservi biex tippromwovi l-attività ekonomika teknoloġija f’Malta.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend