Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għal darb’oħra kien jum tard wara l-azzjoni immedjata li ħa l-Gvern ilbieraħ biex tkun ivverfikata kull applikazzjoni li saret minn rappreżentanti ta’ ditta legali li taw l-impressjoni li jkun hemm ċans li xi ħadd jagħlaq għajnejh għal xi nuqqasijiet fl-applikazzjonijiet li jsiru minnhom tal-IIP.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u ċ-Ċittadinanza għamlet referenza għad-dikjarazzjoni ta’ Delia fejn talab li jsir dan l-iskrutinju.
Is-Segretarjatat għamel referenza għal stqarrija li ħareġ ilbieraħ fejn kien hemm dikjarat b’mod ċar li l-MIIPA talab lir-regolatur tal-IIP biex jagħmel reviżjoni tal-files kollha sottomessi minn din id-ditta waqt li żamm l-applikazzjonijiet kollha li hemm pendenti.
Qal li għalhekk, il-kummenti fil-midja ta’ Delia huma jum tard wara l-azzjoni immedjata li ħa l-gvern dwar din il-kwistjoni.