Tliet kwarti tal-Maltin jaqblu li wliedhom jiġu mgħallma fl-iskejjel dwar orjentazzjonijiet sesswali differenti – Ewrobarometru – One News

Notifiki

Tliet kwarti tal-Maltin jaqblu li wliedhom jiġu mgħallma fl-iskejjel dwar orjentazzjonijiet sesswali differenti – Ewrobarometru


Sebgħa u sebgħin fil-mija tal-Maltin jaqblu li fl-iskejjel għandu jkun hemm lezzjonijiet u materjal b’informazzjoni dwar id-diversità marbuta mal-orjentazzjonijiet sesswali differenti fosthom anki dwar l-LGBTI.

Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.

Filfatt pajjiżna qiegħed sitta fil-mija aktar mill-medja Ewropea dwar dan.
Kważi l-istess persentaġġ dwar lezzjonjiet u materjal marbut ma’ informazzjoni dwar transgender inkiseb ukoll minn Malta.

Fejn hawn ukoll Malta tinsab ferm aktar fuq il-medja Ewropea.

Dwar mistoqsija li saret jekk persuni LGBTI għandhomx ikollhom l-istess drittijiet daqs persuni etero sesswali, tlieta u sebgħin fil-mija tal-Maltin wieġbu li jaqblu.

Dan kien ftit inqas mill-medja Ewropea.

Imbagħad Malta ġiet l-ewwel f’dak li għandu x’jaqsam mar-rikonoxximent legali tat-tielet ġeneru.

Filfatt Malta kienet minn tal-ewwel li fuq dokumenti uffiċjali bdiet tagħti l-ittra X għall-persuni li ma jiddentifikawx ruħhom bħala raġel jew mara.

Interessanti wkoll li kważi tliet kwarti tal-Maltin jaċċettaw politiċi li jkunu LGBTI, disgħa fil-mija aktar mill-medja Ewropea.
Dan filwaqt li tnejn u tmenin fil-mija taċ-ċittadini Maltin iħossuhom komdi jaħdmu ma’ persuna LGBTI.

Iżda mbagħad huma biss wieħed u erbgħin fil-mija tal-ġenituri li jħossuhom komdi b’persuna LGBTI bħala wild tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend