Se jfasslu kif tista’ tgħix fuq il-qamar – One News

Notifiki

Se jfasslu kif tista’ tgħix fuq il-qamar

Propju ftit qabel it-tfal imorru lura għall-bankijiet tal-iskola l-għalliema jinsabu preparati sabiex dawk l-aktar ċkejknin fost l-oħrajn ixettlu aktar imħabba għax-xjenza u t-teknoloġija.

Filfatt taħriġ li sar fost numru ta’ għalliema tal-iskejjel primarji, mistenni jwassal biex it-tfal jibnu proġett li joffri soluzzjoni lil bniedem li jkun jeħtieġlu jgħix fuq il-qamar.

Dan it-taħriġ sar b’finanzjament mill-Gvern u żar l-aħħar fażi ta’ dan it-taħriġ is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Innovazzjoni Silvio Schembri.

L-għalliema dehru entużjasti daqs it-tfal li għad iridu jaraw, b’wieħed mill-għalliema kellimna fuq il-proġett xjentifiku tas-sena skolastika li għaddiet.

Is-Sur Ryan Galea, għalliem fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk qal: “Kien hemm ħafna teamwork fih li forsi t-tfal kienu mhux daqshekk tajbin f’suġġetti akkademiċi ġew aħjar meta bdew jitkellmu u jiddiskutu biex joħorġu b’soluzzjonijiet għall-problemi li tajnihom u b’hekk seta’ kulħadd ikun hemm involviment tajjeb bejn il-gruppi kollha tal-istudenti.”

Għalliema oħra qaltilna kemm dan il-proġett se jwassal biex it-tfal jitgħallmu b’mod interattiv u jaslu għat-tweġibiet wara li jħabblu ftit il-kuriduri ta’ moħħhom.

Margaret Fonde, għalliema fl-iskola primarja Chiswick qal: “Bħala teacher tipprova ġġibhom fis-sens ta’ inquiry based learning, jiġifieri kif se ttihom din il-problema, kif se ngħixu fuq il-qamar, x’għandna bżonn, jekk hemm problema ta’ ikel kif se nsolvuha, x’se jagħmlu biex isolvu din il-problema. Huma se tistenna li t-tfal ħa jiġu bir-risposta huma, ħa jibnu dan il-mudell huma.”

Hekk kif tibda l-iskola dan il-proġett se jitħaddem f’għadd ta’ skejjel biex imbagħad fis-sebgħa u għoxrin ta’ Novembru li ġej, fiċ-Ċentru għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-Esplora t-tfal mill-iskejjel differenti se jippreżentaw il-proġetti tagħhom.

Fi tmiem it-taħriġ, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qassam il-pakketti edukattivi li se jservu t’għodda importanti għat-tagħlim tax-xjenza u t-teknoloġija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend