Somalu ta’ 22 sena u li joqgħod il-Marsa ġie arrestat mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga wara li nqabad fil-pussess ta’ droga kannabis u kokaina fil-Marsa.
Il-Pulizija qalet li arrestat lir-raġel wara li beda jaġixxi b’mod suspetuż waqt li kien fi ġnien fit-Triq Diċembru tlettax, limiti tal-Marsa.
Fil-pussess tiegħu instabet droga tal-pjanta tal-cannabis u kokajina. Id-droga misjuba li kienet lesta sabiex tiġi traffikata kienet tammonta għal 37 qartas bil-pjanta cannabis flimkien ma’ numru iżgħar ta’ qratas bi trab abjad allegatament kokajina.
Il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli ġiet infurmata bis-sejba u ħatret bosta esperti sabiex jassistuha.
Ir-raġel mistenni jitressaq l-Qorti fil-jiem li ġejjin mixli bi traffikar u pussess aggravat tad-droga cannabis u kokajina.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.