Malta b’76 ftehim ta’ ħelsien mit-taxxa doppja – One News

Notifiki

Malta b’76 ftehim ta’ ħelsien mit-taxxa doppja


Minn meta kisbet l-Indipendenza 55 sena ilu sal-lum, Malta ffirmat 76 ftehim ta’ ħelsien mit-taxxa doppja ma’ pajjiżi minn madwar id-dinja.

Il-ftehim ta’ ħelsien mit-taxxa doppja huwa ftehim li jevita li negozju jħallas it-taxxa darbtejn, fil-pajjiż li jopera kif ukoll fil-pajjiż fejn jesporta.

Il-Ministru Carmelo Abela spjega ma’ ONE News li għadhom kemm tlestew in-negozjati dwar ftehim bħal dan ma’ żewġ pajjiżi oħra li se jiġu ffirmati mal-ewwel opportunità ta’ laqgħa għolja.

Fl-istess waqt, pajjiżna qed jinnegozja ftehim ma’ ħdax-il pajjiż ġdid, filwaqt li ma’ ħames pajjiżi li magħhom diġa hemm ftehim, qed isiru taħdidiet biex il-ftehim jiġi revedut.

Il-Ministru Carmelo Abela qal: “Hemm ħsibijiet oħra biex niffirmaw double-taxation agreements oħrajn li jkunu qed jinħadmu bejn il-Ministeru tiegħi kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi biex b’hekk niffaċilitaw aktar il-possibilità ta’ kummerċ bejn Malta u pajjiżi oħrajn.

Ftehim bħal dan jolqot bosta setturi fosthom it-trasport, l-interessi u l-qligħ kapitali.

Minbarra li jneħħu ċertu tariffi, ftehimiet bħal dawn isaħħu l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fir-rigward ta’ taxxa fuq id-dħul u jiftħu opportunitajiet ta’ kummerċ bi qligħ ikbar għal kumpaniji barranin li jixtiequ jinvestu f’pajjiżna.

Il-Ministru Abela qal: “Dawn il-ftehimiet jgħinu wkoll biex inkabbru l-ħidma bilaterali bejn Malta u pajjiżi oħrajn u b’hekk inkunu qed noqorbu aktar lejn xulxin mhux biss mill-aspett ta’ diplomazija jew aspett politiku imma anke fis-settur kummerċjali li tfisser ħbiberija bejn il-popli fl-aħħar mill-aħħar. Li aħna nqarrbu aktar lill-popli mhux biss f’oqsma bħal ma huwa l-isport, il-kultura u oqsma oħrajn imma anke fil-qasam kummerċjali allura permezz ta’ dawn il-ftehimiet inkunu qed inkomplu ntejjbu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u pajjiżi oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend