Tim mediku Malti għadu kif rebaħ il- ‘European Resuscitation Council CPR Competition 2019’ ġewwa Ljubljana, Slovenja.
Din il-kompetizzjoni kienet bejn diversi pajjiżi Ewropej fosthom il-Fillandja, l-Olanda, l-Awstrija u l-Portugall.
Cardiopulmonary resuscitation (CPR) hija proċedura li ssir meta tipprova terġgħa tistartja l-qalb li tkun għadha kif waqfet. Din tinvolvi tagħfis fuq l-qafas tas-sider u xi drabi xokkijiet.
L-għan tal-kompetizzjoni hu li joħloq għarfien dwar l-importanza tas-CPR.
CPR jista’ jsir minn kwalunkwe persuna, anke mit-tfal, sakemm tasal l-għajnuna medika u b’hekk inkunu nistgħu nsalvaw aktar hajjiet.
Il-pajjiżi li għaddew għall-finali kienu Malta, ir-Repubblika Ċeka u d-Danimarka. It-tim rebbieħ Malti kien jinkludi lil Dr Anthea Pisani, Dr Andre Mercieca, Dr Maureen Bezzina Sultana, Dr Carl Tua u Dr Karen Sapiano taħt id-direzzjoni ta’ Dr Ann Marie Camilleri Podesta u Dr Tanya Esposito.