Se nibqgħu nlestu lil Malta għall-futur – One News

Notifiki

Se nibqgħu nlestu lil Malta għall-futur

Fuq ONE Radio il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat tkellem ukoll dwar kif il-gvern qed iħejji Malta għall-futur. Is-settur tal-enerġija u tal-infrastruttura huma żewġ eżempji ta’ dan.

Mistoqsi dwar il-proġett tal-flyovers tal-Marsa u l-progress li għaddej fuq dan il-proġett, il-Prim Ministru qal:“Jagħmel differenza. L-ewwel nett għan-nies tas-south. Dik l-iktar junction li jgħaddu minnha fil-pajjiż.”

Dan il-proġett beda bil-bini mill-ġdid ta’ Aldo Moro u l-Prim Ministru spjega li nfetħet parti mill-flyover anke fil-ħin biex tgħin meta issa jinħoloq it-traffiku ta’ meta l-istudenti jirritornaw l-iskola. Fakkar f’miżura oħra biex tgħin f’dan ir-rigward li hi t-trasport b’xejn għat-tfal kollha.

“Il-mod kif telaq ix-xogħol juri kemm il-gvern qed jieħu l-infrastruttura bis-serjetà. Aħna diġa’ għaddejin bil-proġett ta’ €700 miljun biex isiru t-toroq kollha tal-pajjiż. Apparti dawn is-€700 miljun għandna proġetti bħal dawn. Proġett ta’ €70 miljun,” qal il-Prim Ministru li fisser kif dan hu l-ikbar proġett infrastrutturali. “Hawn qed inlestu lill-pajjiżna għall-futur u dak huwa l-punt importanti.Nemmen li għandu jkun game changer għall-pajjiżna,” qal il-Prim Ministruli fakkar kif dan hu biss l-ewwel parti u s-sena d-dieħla jitlesta l-kumplament tax-xogħol.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar iż-żieda fil-prezz taż-żejt internazzjonali. “Il-garanzija li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux se jiżdiedu għaliex ħsibna għall-futur u ħsibna f’sistema li jvarja kemm ivarja l-prezz taż-żejt il-kontijiet jibqgħu stabbli,” qal il-Prim Ministru li spjega kif kieku bqajna bis-sistemi ta’ gvernijiet nazzjonalista bħalissa jkun qed ikellem il-poplu biex jiġġustifika żieda fil-prezz tal-elettriku minħabba dak li seħħ barra l-pajjiż. “Aħna minflok lin-nies qed ngħidulhom serħu raskom għax ħsibna fil-futur u hekk se nkomplu ngħamlu. Naħsbu lejn il-futur mhux għax noqgħodu nħarsu lejn numri ta’ surveys u affarijiet oħra. Dawk ma nagħtux kashom. Li ngħamlu hu li naħdmu kuljum li jgħaddi,” qal il-Prim Ministru.

Ħadd mhu jikkontesta l-integrità tal-persuni maħtura

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li jaħtar inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza u tenna l-fiduċja tiegħu fil-konfront tal-persuni magħżula biex imexxu din l-inkjesta.

Il-Prim Ministru fakkar li l-gvern qatt ma kellu problema li jaħtar inkjesta ta’ dan it-tip, iżda l-kwistjoni dejjem kienet ta’ meta.

“Kif għidna mill-bidu nett, meta kien hemm sejħa għal din l-inkjesta pubblika, aħna dejjem għidna bħala gvern illi naqblu li ssir. Ir-riserva tagħna kienet meta u kif. Ħalli ma jkun hemm ebda interferiment fil-proċessi l-oħra li għaddejin fir-rigward ta’ tliet persuni li nqabdu b’mod immedjat u qed jiġu akkużati bil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia,” spjega l-Prim Ministru.

Irrefera għar-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u spjega li hemm riservi kbar dwar il-metodoloġija użata, il-fatt li hu preġudikat u mimli ineżatezzi. Minkejja dan il-gvern daħal f’diskussjonijiet mal-Kunsill tal-Ewropa. “F’dawn ix-xhur permezz tal-Ministru Owen Bonnici ħdimna biex ikun hemm terms of reference li jkunu ċari ħafna. Din l-inkjesta tħares biex il-gvern jara jekk setax ikun jaf jew setax jagħmel xi ħaġa biex jipprevjeni dan il-qtil, kif ukoll affarijiet oħra. Peró b’mod ewlieni dik hi l-kwistjoni prinċipali,” qal il-Prim Ministru li tenna li ħatar persuni li huma ta’ integrità kbira.

“Ħadd mhu qed jikkontesta l-integrità ta’ tliet persuni maħtura. Jien ngħid li huma tliet persuni kapaċi li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. Jien lest inħares lejn u nisma’ dak li għandha xi tgħid il-familja Caruana Galizia. Jien diġa’ kkomunikat li lest niltaqa’ magħhom. M’għandi problema li niltaqa’ ma’ ħadd,” sostna l-Prim Ministru li tenna fiduċja fl-imparzjalita tal-persuni magħżula biex jagħmu l-inkjesta. “Ħadd ma kritika t-terms of reference u ħadd mhu qed jikkontesta s-saħħa u l-fibra morali tal-persuni magħżula,” qal il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend