Tibda l-Ġimgha Ewropeja tal-iSport – One News

Notifiki

Tibda l-Ġimgha Ewropeja tal-iSport

Il-Ġimgħa filgħaxija ingħata bidu għall-ħames edizzjoni tal-ġimgħa ewropeja tal-isport li se tibqa’ għaddejja sat-28 ta’ Settembru.  Matul din il-ġimgħa Malta se tkun qed tingħaqad ma’ bosta pajjiżi oħra ewropej f’inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropeja bil-għan li tippromwovi l-importanza ta’ ħajja  attiva u b’saħħitha. Aktar minn 13-il miljun persuna minn 41 pajjiz ewropew mistennija jieħdu sehem f’din l-attivita’.

L-attivita’ tal-ftuħ saret fil-pjazza taż- Zejtun u kienet organizzata minn SportMalta flimkien mal-kunsill lokali tal-istess lokalita’. L-attivitajiet prinċipali saru fil-pjazza u fi Ġnien iż-Żgħożija.

Pubbliku numeruż attenda għal din l-ewwel attivita’ li rat nies ta’ kull eta’ jipparteċipaw f’dixxiplini sportivi differenti. Din is-sena, SportMalta iddeċidiet li tmur aktar viċin in-nies billi

torganizza l-attivitajiet prinċipali fil-lokalitajiet minflok fil-kumplessi sportivi tagħha.

Protagonisti fl-attivita’ fiż-Żejtun kienu dixxiplini sportivi minn pajjiżi differenti fosthom il-Basketball (Stati Uniti), Zumba (Kolombja), KUBB (Zvezja), Tai Chi (Cina), il-Futbol (Italja) u l-logħba tradizzjonali maltija tal-Boċċi. Saru wkoll sessjonijiet ta’ fitness, mixjiet madwar ir-raħal taż-Żejtun flimkien ma’ attivitajiet oħra immirati għall-etajiet differenti, fosthom dawk ta’ ‘l fuq minn sittin sena.

Kien hemm ukoll wirja ta’ karozzi imtella’ minn Land Rover Owners Malta Club. Kienu involuti wkoll bosta organizzazzjonijiet volontarji u klabbs sportivi fosthom il-klabb tal-basketball ta’ Hibernians, il-klabb tal-Hockey ta’ Hal Qormi, il-Bicycle Advocacy Group u l-Malta Health Students Association.

Matul din il-ġimgħa se jiġu organizzati ħafna attivitajiet oħra. Fil-25 ta’ Settembru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid se sir serata ta’ żfin fosthom ZumbaSalsa u Line Dancing.

Għal sena oħra l-attivita’ tal-egħluq se ssir fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop bil-#Be Active Night is-Sibt 28 ta’ Settembru.  Iż-żewg attivitajiet jibdew fis-sitta ta’ filghaxija.

Flimkien mal-attivitajiet ta’ Sport Malta se jiġu organizzati wkoll oħrajn minn assoċjazzjonijiet differenti.  Fit-23 ta’ Settembru, fil-kumpless sportiv Tal-Qroqq, se jsir turnament għall-veterani tal-Handball.  Il-Malta Employees Sports Association se ttella’ ġurnata ta’ sports fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-ħaddiema u impjegati. Is-Sibt 28 ta’ Settembru fir-ranges il-ġodda tal-isparar f’Ta’ Kandja se ssir il-Be Active Sport Shooting Cup.  Bejn it-28 u d-29 ta’ Settembru, fil-kumpless ta’ Maria Assunta il-Ħamrun, il-Malta Billiards and Snooker Association se torganizza turnament tas-Snooker.

Ma jonqsux l-attivitajiet għat-tfal tal-iskejjel b’ġurnata li tgħaqqad lill-istudenti f’attivitajiet sportivi u fiżiċi ta’ kull tip. Rose Marie Mercieca, koordinatriċi nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropeja

tal-iSport, qalet li SportMalta bhala l-organizzazzjoni ewlenija f’din l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropeja, se tkun qed tagħti l-opportunita’ lill-pubbliku sabiex jipprattika xi sport jew jieħu sehem f’attivitajiet fiziċi bil-għan li l-poplu malti jibqa’ jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet sportivi tul is-sena kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend