L-Edukazzjoni f’Qalbna! – One News

Notifiki

L-Edukazzjoni f’Qalbna!

Minjiera tad-deheb.

Ryan-żagħzugħ modern u fuq tiegħu mhux ħażin- kien qiegħed għaddej bl-iskejtbord tiegħu meta fis-siegħa u l-waqt jgħajjatlu raġel li inzerta kien is-sid ta’ minjiera tad-deheb.

Ir-raġel staqsieh jekk riedx iqatta’ ġurnata fil-minjiera tiegħu.

-Nagħtik tnax-il siegħa ċans taħdem fil-minjiera tiegħi u d-deheb li jirnexxielek tiġbor tista’ iżżommu kollu għalik.

Din il-proposta għoġbitu lil Ryan….min jaf x’jista’ jixtri ladarba jsarraf id-deheb li jkun ġabar.  Gadgets, home ċinema, electric  bike hi tech….safra tajba ma’ sħabu….

U l-għada mat-tmienja ta’ filgħodu, kollu entużjażmu, Ryan sab kien fir-reception tal-minjiera fejn sab lis-sid jilqgħu.

-Illum il-minjiera kollha għalik.  Kif ftiehma dak kollu li jirnexxielek tiġbor se żżommu għalik.  Għandek tnax-il siegħa.  Fit-tmienja tal-lejla niġi għalik.

U Ryan sab ruħu waħdu.  Qabel ma jidħol fil-minjiera, kellu jgħaddi mill-uffiċċji prinċipali fejn kien hemm kompjuter mixgħul.  Ryan mexa lejh.  Poġġa bilqiegħda u oħroġ il-għaġeb skopra li kien hemm connection tal-internet.  U x’connection dik!  Dak speed!

U Ryan ddeċieda li jittanta lil sħabu…ikkolega ruħu magħhom u beda jiftaħar magħħom u anmke jurihom fejn qiegħed.  U minn kelma u ritratt u filmat li tefa’ fuq is-social media, Ryan u sħabu bdejw jiċċejtjaw.  U mic-chat għaddew għal-logħob.  U Ryan-li kien bad loser- għal kull logħba li jitlef ried li jagħmel tnejn għax ried juru l-ħiliet tiegħu.  U s-size tal-iscreen u l-ispeed tal-internet ma kellux bħalhom id-dar!

Logħba ġġib oħra.  U sfida ġġib oħra wkoll!  Żgur li Ryan qatt qabel ma ħassu daqshekk privileġġjat.

Imma fis-salt u l-ħin dan il-gost kollu kellu jieqaf ħesrem hekk kif Ryan sema’ l-bieb tal-uffiċċju jħabbat.

-Ryan, ġejt għalik!.

Kien sid il-minjiera.  Kien saru t-tmienja ta’ filgħaxija.

-Kif jista’ ikun?-staqsa mistagħġeb Ryan….diġa t-tmienja?  Tini ċans imqar ħames minuti imqar nidħol fil-minjiera u niġbor ftit deheb- ittallab iż-żagħżugħ.

-Jiddispjaċini Ryan.  Il-ftehim tagħna kien li kellek tnax-il siegħa ċans.  U t-tnax-il siegħa għaddew!  Il-ħin skada!

U Ryan baqa’ b’xiber imnieħer!

 Opportunatijiet b’viżjoni.

Hemm xebħ kbir bejn l-istorja ta’ Ryan u l-opportunatijiet tad-deheb li għandhom l-istudenti tal-lum u ta’ għada fl-iskejjel tal-Gvern.

Il-Moviment Progressiv- xprunat mill-viżjoni ta’ Prim Ministru uniku flimkien max-xogħol ma jaqta’ xejn min-naħa tal-Ministeru u d-Direttorat tal-Edukazzjoni- ħejja programmi ta’ studju li għandhom iservu sabiex iż-żgħażagħ Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom skont l-abbiltajiet tagħhom fi klassijiet u laboratorji li jekk issejħilhom state-of-the-art ma tkunx qed tfaħħarhom biżżejjed.

Gvern li ħaseb għall-futur.

Il-Gvern Laburista investa miljuni ta’ ewro sabiex jagħti liż-żgħażagħ tagħna li jattendu skejjel sekondarji opportunita’ tad-deheb sabiex jekk iħossuhom tajbin fis-suġġetti vokazzjonali jew applikati (dawn tal-aħħar  fl-imgħoddi konna nsejħulhom  tas-snajja’) għandhom il-ħin u l-għodda kollha possibbli sabiex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom.

Issib laboratorji bl-aqwa tagħmir li jwassal għat-tagħlim f’oqsma ġodda bħall-Health and Social Care, Media Studies, Inġinerija, Computer IT, Ospitalita’, Agrikoltura u Retail.

Ir-ritratti annessi ma’ dan l-artiklu jagħtu ħjiel żgħir ħafna  tal-minjiera tad-deheb li hemm fl-iskejjel tagħna.

Iż-żgħażagħ f’qalbna.

Il-Gvern għamel il-parti tiegħu.  L-edukaturi-bħal ma jagħmlu dejjem- se jagħmlu l-parti tagħhom ukoll.

Jonqos li ż-żgħażagħ tagħna sabiex jagħmlu l-parti tagħhom u jaħtfu l-opportunatijiet uniċi f’dan iż-żmien hekk partikolari u eċċitanti fil-qasam edukattiv sabiex-għall-kuntrarju ta’ dak li ġralu Ryan fl-istorja li bdejna biha-jgħixu l-aqwa żmien tagħhom billi jilqħu l-potenzjal tagħhom.

Awguri lill-istudenti żgħażagħ kollha!

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Send this to a friend