Il-firda fil-PN kienet tidher ukoll fil-‘mass meeting’ tal-Indipendenza – One News

Notifiki

Il-firda fil-PN kienet tidher ukoll fil-‘mass meeting’ tal-Indipendenza

L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa m’attendewx għall-mass meeting tal-Indipendenza.

F’Dawn l-aħħar sentejn, kemm ilu Delia kap, Simon Busuttil qatt m’attenda għall-mass meeting li jorganizza l-Partit Nazzjonalista sabiex ifakkar l-Indipendenza.

Iżda, l-ġimgħa filgħaxija barra d-Dar Ċentrali, lanqas David Casa m’attenda sabiex isegwi d-diskors tal-Kap, f’dak li kellu jkun mass meeting Nazzjonalista.

Simon Busuttil u David Casa huma żewġ esponenti ewlenin mill-fazzjoni li taħdem kontra Adrian Delia għax ma jemmnux li għandu jkunu l-persuna li jmexxi l-Partit Nazzjonalista.

Dan anki minħabba l-allegazzjonijiet serji li hemm fil-konfront ta’ Delia fosthom li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.

Fil-mass meeting, kienet tinħass sew li l-Partit Nazzjonalista għadu maqsum bejn il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil.

Fid-diskors tiegħu Adrian Delia semma l-kapijiet kollha li kellu l-Partit Nazzjonalista mill-indipendenza l’hawn imma ħalla barra lill-eks kap Simon Busuttil.

Minkejja li għal dan is-suppost mass meeting attendew deputati mill-fazzjoni Busuttil – bħal Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia, dawn ma tantx kienu entużjasti waqt id-diskors ta’ Delia.

Sabiex jintgħoġob ma dawn id-deputati mill-fazzjoni Busuttil, Adrian Delia qal li se jnizzel in-nies fit-toroq u se jitkellem barra minn Malta kontra pajjizna. Kif kien jagħmel Simon Busuttil u l-ewroparlamentari David Casa u Roberta Metsola.

Qabel Delia indirizza lill-partitarji nazzjonalisti, s-segretarju ġenerali Clyde Puli li ġġustifika t-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista, billi waħħal fl-elettorat Malti għax qal li lill-Partit Nazzjonalista ma fehmu ħadd.

F’Mejju li għaddha taħt Adrian Delia, l-Partit Nazzjonalista tilef l-ikbar żewġ telfiet elettorali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.

B’Adrian Delia u t-tmexxija, wara din it-telfa organizzaw festi fqar sabiex jiċċelebraw il-ħamsa u ħamsin sena mill-Indipendenza. Festi li mill-Fosos tal-Furjana, saru barra d-Dar Ċentrali.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend