Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ jattakka l-proġett infrastrutturali tal-Junction tal-Marsa.
Tlett sigħat wara li bdew jgħaddu l-ewwel vetturi minn fuq l-ewwel żewġ strutturi tal-flyovers minn sebgħa, Adrian Delia kkritika dan il-proġett li se jnaqqas it-traffiku fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Qal li l-gvern f’kull mhu qiegħed jagħmel f’dan il-proġett jgħaqqad it-toroq u jwesagħhom.
Il-proġett tal-Junction tal-Marsa, fost proġetti infrastrutturali oħra huma sensiela ta’ proġetti li mhux biss jaħsbu għall-preżent imma anki għall-futur.
Dan grazzi għall-ippjannar u l-viżjoni ċara tal-Prim Ministru Joseph Muscat li taħt it-tmexxija tiegħu mhux biss għandha ekonomija b’saħħitha, iżda nħolqu setturi ġodda li ħolqu eluf ta’ impjiegi.
Iżda għal Adrian Delia dan ma jfisser xejn, għax għalih dan il-gvern m’għandux viżjoni.
Kritika kull settur u qal li f’pajjiżna mhux ġej investiment. Dan anki jekk ċifri tal-Malta Enterprise juru li s-sena li għaddiet Malta attirat aktar minn mija u sebgħin miljun ewro f’investiment.
Kritika s-settur tal-edukazzjoni. Bil-gvern qiegħed jinvesti mhux biss fil-bini tal-iskejjel imma anki f’tibdiliet sabiex kull student u student ma jaqgħux lura, izda jkomplu jistudjaw u jkunu suċċess.
Adrian Delia iġġustika u iddefenda d-deċiżjonijiet ambjentali ta’ gvernijiet nazzjonalisti li kienu estendew iż-żoni zvilupp.
F’dagħdigħa negattiva u f’diskors bla sustanza, qal li pajjiżna tkisser.
Attakka l-qrati ta’ pajjizna u qal li l-qorti huwa maħtuf.
Fil-mass meeting tal-Ġimgħa filgħaxija kienet tinħass sew apatija kbira fost il-partitarji Nazzjonalisti li attendew għalih barra d-Dar Ċentrali.
Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir fl-imgħoddi meta dan l-avveniment kien jiġi ċċelebrat fuq il-Fosos tal-Floriana.
Id-diskors ta’ Adrian Delia, mhux li qajjem lill-partitarji nazzjonalisti. Diskors ripettitv għax ma sabx kliem xi jgħid lill-partitarji nazzjonalisti.
B’Delia tilifha imbgħad beda jgħajjat li aħna pajjizna fallut u tal-mistħija.
B’Adrian Delia attakka lil Joseph Muscat u qal li ta’ dan kollu irid ipatti Joseph Muscat. Anki jekk l-elettorat afda f’Joseph Muscat f’erba’ elezzjonijiet, għax mhux biss ħoloq il-ġid imma huwa l-mexxej li jgħaqqa pajjiż.
Għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia li dejjem jagħżel li jifred.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li kieku ried il-Kap tal-Partit Nazzjonalista seta’ jiffranka għal kollox l-ispiża taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza, għax Adrian Delia seta’ xandar id-diskors tas-sena l-oħra.
Quddiem id-Dar Ċentrali Delia kellu l-istess negattivita, l-istess attakki fuq l-investiment u l-ebda proposti. Ħlief attakka l-proġett tal-flyover tal-Marsa.
Tassew li Adrian Delia ma tgħallem xejn mil-lezzjoni li tah il-poplu f’Mejju li għadda, qal il-Partit Laburista.