Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li se jlaqqa l-grupp parlamentari Nazzjonalista sabiex jiddiskuti l-inkjesta pubblika li ħatar il-gvern dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li se jkun qiegħed jitkellem mad-deputati nazzjonalisti dwar din l-inkjesta.
Iżda d-deputati nazzjonalisti, diġa ħarġu jattakkaw din l-inkjesta pubblika.
Inkjesta li se titmexxa mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia magħurf għall-integrità tiegħu, biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika indipendenti dwar l-omiċidju ta’ Caruana Galizia.
Il-Kummissjoni li se tirregola lilha nnifsiha se tkun magħmula wkoll mill-ex Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.
Iżda Jason Azzopardi, ħareġ jattakka lill-Professur Ian Refalo għax ma jridux fl-inkjesta.
Il-Professur Ian Refalo huwa magħruf għall-integrità tiegħu, u għandu esperejza twila fil-liġi kif ukoll espert kostituzzjonali.
Min-naħa tiegħu, l-ewroparalmentari David Casa fetaħ ukoll attakk fuq il-Professur Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.
Abela Mediċi għandu esperjenza twila fil-forensika u kien appuntat mill-qrati Maltin bħala espert forensiku f’diversi oqsma. Huwa serva ukoll f’kumitat ewropej fil-qasam.