L-Istitut għall-Istudji Turistiċi nieda kollaborazzjoni mal-Istitut Ducasse fi Franza li se twassal biex l-ITS joffri masterclasses fl-arti kulinarja.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi waqt żjara fl-Istitut fl-okkażjoni tal-bidu ta’ sena akkademika ġdida. Sostna li b’din il-kollaborazzjoni qed titkompla l-viżjoni li l-ITS jistabbillixxi ruħu bħala l-aqwa istitut turistiku fil-Mediterran.
Dan wara kollaborazzjonijiet mal-Istitut Paul Bocuse fi Franza, l-Universita ta’ Haaga Helia fil-Fillandja u iktar riċenti mal-Akkademja tal-Emirates.
Dr Mizzi fisser kif l-ITS qed jikber b’mod impressjonanti, hekk kif dis-sena kien hemm żieda ta’ 84% fl-admissions. Huwa ddeskriva din iż-żieda bħala waħda bla preċedent, bin-numru jista’ jkompli meta joħorgu ir-riżultati tal-eżamijiet tal-Matsec ta’ Settembru.
Dwar il-kors f’livell Masters mal-Emirates, b’sodisfazzjon il-Ministru ghat-Turiżmu qal li l-ewwel sena se tara 25 student fih.