Aktar tard fil-jum tal-Ġimgħa ser tiġi inawgurata l-ewwel struttura tal-flyovers, dan sabiex is-sewwieqa Maltin ikunu jistgħu jibdew igawdu minn dan il-proġett grandjuż tal-Marsa.
Iż-żewġ flyovers flimkien ikopru distanza ta’ madwar nofs kilometru u dawk li se jużaw it-toroq se jkollhom rotta diretta bejn il-Marsa u Ħal Luqa flok dik eżistenti mit-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Għall-ewwel din il-flyover li għandha żewġ korsiji se tintuża bil-kontra. Dan ifisser li s-sewwieqa se jsuqu fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar, minn Triq Aldo Moro, il-Marsa lejn Triq Giuseppe Garibaldi, Ħal Luqa.
Dan sakemm kmieni s-sena d-dieħla jinfetħu wkoll it-tielet u r-raba’ flyovers ta’ dan il-proġett,
Dan se jsir biex Infrastructure Malta tkun tista’ tagħlaq temporanjament it-toroq li bħalissa qegħdin iservu għal din ir-rotta, fl-inħawi tal-parkeġġ tal-Addolorata, ħalli tkompli tibni l-istrutturi l-oħrajn tal-proġett.
Dawn jinkludu t-tielet u r-raba’ flyovers, li qegħdin jinbnew taħt iż-żewġ flyovers li Infrastructure Malta se tiftaħ fi tmiem il-ġimgħa, biex jiffurmaw iż-żewġ korsiji li għandhom jgħaqqdu r-rotta tan-Nofsinhar, minn Triq Aldo Moro lejn Triq Garibaldi.
Is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project b’investiment ta’ sebgħin miljun ewro għandhom l-għan li jeliminaw it-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata, u joħolqu aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti.
🌅 Sunrise at the first #MarsaJunctionProject flyovers. Final touches this morning. Soon. #UpgradingYourRoadNetwork. pic.twitter.com/qN2VVkTdfw
— Infrastructure Malta (@InfraMalta) September 20, 2019