Il-PM jinawgura l-ewwel żewġ strutturi tal-flyovers – One News

Notifiki

Il-PM jinawgura l-ewwel żewġ strutturi tal-flyovers

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-ewwel żewġ strutturi minn sebgħa tal-flyovers mill-proġett infrastrutturali fil-Marsa.

Dan huwa biss xhieda tal-investiment bla preċedent li qed isir fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.  Hekk saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-inawgurazzjoni u l-ftuħ ta’ din l-istruttura ġdida.

Stqarr li r-rieda li l-Gvern jindirizza l-problema tat-traffiku f’din l-aktar żona traffikuża fin-Nofsinahar turi l-impenn tal-Gvern li jħejji l-infrastruttura għall-futur.

Huwa ta ħajt lil ħaddiema Maltin u barranin li b’ħidmiethom lejl u nhar setgħu jinfetħu dawn iż-żewġ strutturi f’inqas minn sentejn mindu bdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li qed isir b’investiment ta’ 70 miljun ewro.

Saħaq li l-effetti ta’ dan il-proġett ser ikunu tanġibbli kif juri l-istudju li wettaq l-ekonomista Gordon Cordina.

Irrimarka li filwaqt li jifhem il-kritika ambjentali, l-viżjoni tal-Gvern mhix ibbażata biss li jsiru t-toroq iżda tisbieħ ta’ kull żona li tiġi riġenerata.

Dan hekk kif infrastructure Malta se tħawwel 6,700 siġra fil-proġetti tagħha u mill-2013 diġa tħawlu 28,000 siġra oħra.  Dan apparti l-45,000 siġra li se jitħawlu f’Wied Fulija.

Dr Muscat stqarr kif issa dawn iż-żewġ strutturi miftuħa jinsabu lesti sabiex itaffu t-traffiku li jinġemgħa fl-inħawi, speċjalment mal-bidu tas-sena skolastika.

Dan il-proġett se jkompli l-proċess ta’ riġenerazzjoni tan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż u tkompli tipprepara l-pajjiż għall-futur.

It-triq iżżanżnet minn karozzi klassiċi ta’ bejn is-snin għoxrin u tmenin li saqu minn fuq l-istrutturi tal-flyovers għall-ewwel darba.

Għall-ewwel din il-flyover li għandha żewġ korsiji se tintuża bil-kontra. Dan ifisser li s-sewwieqa se jsuqu fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar, minn Triq Aldo Moro, il-Marsa lejn Triq Giuseppe Garibaldi, Ħal Luqa.

Dan sakemm kmieni s-sena d-dieħla jinfetħu wkoll it-tielet u r-raba’ flyovers ta’ dan il-proġett.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend