L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat mill-ġdid il-qafas tal-politika dwar il-pompi tal-fjuwil għall-konsultazzjoni pubblika.
L-abbozz tal-politika reġa’ ġie ppubblikat wara li l-awtorità qieset għad ta’ sottomissjonijiet li waslulha mill-partijiet interessati u mill-pubbliku matul l-aħħar konsultazzjoni pubblika aktar kmieni din is-sena.
L-emendi l-ġodda jinkludi għadd ta’ bidliet li se jagħmluha aktar diffiċli biex jinbnew pompi tal-fjuwil ġodda.
Fost oħrajn l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li mhix se toħroġ permessi għar-rilokazzjoni ta’ pompi tal-fjuwil jekk dawn ma jkunux qed joperaw fi żmien meta japplikaw għall-permess.
Dan ifisser li pompli tal-fjuwil li mhux joperaw bħalissa ma jistgħux jiġu rrilokati. Żiedet tgħid li biex pompa tiġi rrilokata jrid jiġi stabbilit li din qed tagħmel ħsara lil terzi, toħloq periklu għas-sigurtà u għat-trasport fil-post fejn tinsab.
L-Awtorità żiedet tgħid li dan id-dokument jagħmilha ċara li din il-politika se tapplika għall-applikazzjonjiet pendenti u li għadhom ma ġewx deċiżi.
L-emendi l-ġodda jagħmluha wkoll aktar restrittiva fejn tista’ ssir rilokazzjoni ta’ pompa tal-fjuwil.
Għamlitha ċara li biex pompa tiġi rrilokata f’żona barra mil-limitu tal-iżvilupp, is-sit irid ikun diġà koperta b’permess validu għall-iżvilupp jew li s-sit kien diġà kommess għall-iżvilupp qabel l-1967.
Apparti dan is-sit ma jridx ikun relatat mal-biedja jew irziezet tal-annimali. Sostniet li dawn is-siti se jiġu kkunsidrati biss jekk l-iżvilupp huwa kompatibbli mal-kuntest taż-żona.
L-Awtorità żiedet tgħid li jekk joħroġ permess għal rilokazzjoni ta’ pompa f’ODZ, din ma tistax tkun akbar minn elf metru kwadru ta’ art li diġà ġiet żviluppata jew id-daqs eżistenti tagħha.
Il-politika l-ġdida teskludi wkoll kull sit li jinsab15-il metru ’l ġewwa mill-kosta rurali.