Il-banda 12 ta’ Mejju ta’ Ħaż-Żebbuġ b’serata ta’ mużika ġdida u kontemporanja – One News

Notifiki

Il-banda 12 ta’ Mejju ta’ Ħaż-Żebbuġ b’serata ta’ mużika ġdida u kontemporanja

Is-soċjeta mużikali 12 ta’ Mejju ta’ Ħaż-Żebbuġ se ttella’ rappreżentazzjoni oriġinali bl-isem ta’ Ħuġġieġa: Melodija, lejl u nhar.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Mużew tal-Arti ntqal li s-serata li se tittella’ fis-16 ta’ Novembru ġewwa t-Teatru tal-Universita ta’ Malta, fejn il-banda se tkun qed iddoqq silti ġodda ta’ mużika.

Siltiet li nkitbu apposta għal dan l-avveniment u li se jinstemgħu għall-ewwel darba f’din is-serata.

Is-Surmast Hermann Farrugia Franz spjega li dawn is-siltiet huma spirati min-nar, u l-implikazzjonijiet kollha tiegħu, bħan-nar tal-imħabba, u n-nar tal-festa.

“In-nar li jħeġġeġ f’dan il-kuntest jintuża biex iħeġġeġ ħsibijeit ġodda li waslu għal dawn is-siltiet,” spjega s-Surmast.

Is-siltiet għal din is-serata huma frott il-kompożizzjoni ta’ Albert Garzia, Euchar Gravina, Alex Vella Gregory u Veronique Vella.

Din is-serata oriġinali qed issir bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-Ministru Owen Bonnici fisser kif is-soċjetajiet mużikali huma l-qalb u r-ruħ tal-kultura Maltija u li ma jimmaġinax soċjeta Maltija mingħajhom.

Huwa elenka kif tul ix-xhur u s-snin li għaddew is-soċjetajiet mużikali ngħataw diversi fondi u opportunitajiet finanzjarji biex iwettqu l-proġetti tagħhom. Bl-avveniment ta’ din is-soċjeta Żebbuġija eżempju ewlieni ta’ dan.

Huwa ddeskriva din is-serata bħala waħda li ssaħħaħ it-tradizzjonijiet Maltin iżda fl-istess waqt toħloq prodott kontemporanju.

Dr Bonnici tenna l-appoġġ tal-gvern għal inizjattivi bħal dawn għax il-każini u s-soċjetajiet mużikali huma importanti ħafna għal pajjiżna.

Il-kunċert se jibda fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, u se jkun taħt id-direzzjoni mużikali tas-Surmast Farrugia Franz, bid-direzzjoni artistika f’idejn id-direttur Pawlu Mizzi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend