Delia l-istess tas-sena l-oħra… din is-sena żied l-attakk fuq il-proġett tal-flyover tal-Marsa – One News

Notifiki

Delia l-istess tas-sena l-oħra… din is-sena żied l-attakk fuq il-proġett tal-flyover tal-Marsa

Siegħa wara li ġew inawgurati l-ewwel żewġ flyovers minn sebgħa fil-Marsa, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ jattakka dan il-proġett li għandu l-għan li jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku f’din l-aktar żona traffikuża fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Delia għamel din id-dikjarazzjonijiet f’mass meeting quddiem id-Dar Ċentrali b’rabta mal-festi tal-Indipendenza.

Bis-solità retorika tiegħu u b’nuqqas ta’ viżjoni għall-pajjiżna, Adrian Delia qal li l-Gvern kulma għamel f’dan il-proġett huwa li wessa’ t-triq.

“Mar jiftaħ triq usa biex jgħabbi iktar karozzi” qal Delia.

Fil-mass meeting tal-Ħamis filgħaxija kienet tinħass sew apatija kbira fost il-partitarji Nazzjonalisti li attendew għalih barra d-Dar Ċentrali. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir fl-imgħoddi meta dan l-avveniment kien jiġi ċċelebrat fuq il-Fosos tal-Floriana.

Adrian Delia kritika kull settur tal-ekonomija ta’ pajjiżna u qal li l-Partit Nazzjonalista se jniżżel lin-nies fit-toroq.

Huwa ma waqafx jattakka lill-Prim Ministru Joseph Muscat u naqas milli jsemmi proposta waħda ta’ kif se jagħmel biex itejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti.

Għal mass meeting spikka n-nuqqas tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u tal-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa li fl-aħħar jiem ħareġ jisfidah dwar in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew.

B’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista qal li li kieku ried il-Kap tal-Partit Nazzjonalista seta’ jiffranka għal kollox l-ispiża taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza. “Dan għax Adrian Delia llejla seta’ xandar id-diskors tas-sena l-oħra”, qal il-Partit Laburista.
Innota li quddiem id-Dar Ċentrali Delia kellu l-istess negattività, l-istess attakki fuq l-investiment u l-ebda proposti. “Biex inkunu ġusti miegħu żied l-attakk fuq il-proġett tal-flyover tal-Marsa”, qal il-Partit Laburista waqt li saħaq li tassew li Adrian Delia ma tgħallem xejn mil-lezzjoni li tah il-poplu f’Mejju li għadda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend