Xaqq ta’ dawl dwar il-ftehim Brexit? – One News

Xaqq ta’ dawl dwar il-ftehim Brexit?

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson għandu 12-il jum biex iressaq il-pjanijiet tiegħu dwar Brexit lill-Unjoni Ewropea. Dan sostnuh il-Prim Ministru tal-Filandja, Antti Rinne kif ukoll il-President Franċiż Emmanuel Macron. Iż-żewġ mexxejja qablu li r-Renju Unit għandu jressaq il-proposti tiegħu dwar Brexit bil-miktub sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, u jekk dan ma jsirx, ifisser li kollox ikun mitmum. 

Sors minn Downing Street qal li l-Gvern Ingliż se jkompli jinnegozja u se jressaq il-proposti fil-ħin mitlub. Intant, il-Prim Ministru Ingliż qak li ftehim huwa possibbli waqt is-Summit tal-Mexxeja tal-Pajjiżi Ewropej li se jsir fis-17 ta’ Ottubru li ġej. Johnson baqa jinsisti li r-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru anke jekk ma jkunx hemm qbil dwar il-ftehim.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, qal li l-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Ingliż nhar it-Tnejn li għadda kienet kostruttiva. Iżda qabel ma jkun hemm il-proposti identifikati, xorta waħda mhux se jikometti ruħu jgħid li hemm progress dwar il-ftehim Brexit.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend