Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha surplus ta’ iktar minn €361 miljun fil-kont kurrenti. Dan ifisser €21 miljun aktar meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet.
Il-kont kurrenti jirrappreżenta d-dħul u l-ħruġ tal-flus mill-pajjiż, l-aktar mill-esportazzjoni u l-importazzjoni u mis-settur tas-servizzi.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li dan it-titjib fil-bilanċ kien ġej l-iżjed mill-qasam tas-servizzi li waħdu kellu bilanċ ta’ kważi €1,153 miljun. Dawn jinkludu fost oħrajn id-dħul mit-turiżmu u s-servizzi finanzjarji.