Il-bini tas-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project issa jista’ jiġi segwit onlajn permezz ta’ cameras li ġew installati madwar is-sit tal-proġett biex juru l-andament tax-xogħlijiet b’mod dirett.
Permezz tas-sit uffiċjali tagħha, Infrastructure Malta qed tagħmel live streaming tax-xogħlijiet estensivi ta’ inġinerija u arkitettura meħtieġa biex jinbnew l-istrutturi ta’ dan il-proġett.
L-aġenzija installat dawn il-cameras, li juru filmati ta’ dak li jkun għaddej lejl u nhar sebat’ijiem fil-ġimgħa, wara diversi talbiet li sarulha mill-pubbliku, partikolarment minn studenti tal-inġinerija u l-arkitettura, kif ukoll professjonisti f’dawn l-oqsma, sabiex isegwu mill-qrib ix-xogħol delikat tal-bini ta’ din il-junction ġdida bi tliet livelli ta’ toroq fuq xulxin, l-akbar waħda tat-tip tagħha li qatt saret f’Malta. Filwaqt li normalment ma jkunx possibbli li jsiru żjarat fuq is-sit għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-cameras qed jiftħu tieqa fuq ix-xogħol kollu li jkun għaddej, għal dawk kollha li l-proġett jolqothom direttament, fosthom ir-residenti tal-inħawi u aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din il-junction.
Bħalissa, permezz tal-filmati, il-pubbliku jista’ jara lill-ħaddiema jagħmlu l-aħħar irtokki fuq l-ewwel żewġ strutturi tal-flyovers qabel ma jinfetħu fi tmiem il-ġimgħa. Ħaddiema oħrajn qegħdin itellgħu u jpoġġu f’posthom it-travi tal-azzar li se jiffurmaw il-liwja tal-gverta tat-tielet flyover.
Aktar kmieni matul dan is-sajf, il-kuntratturi tal-aġenzija lestew il-pedamenti u l-pilastri tal-konkos għal din it-tielet flyover. Din l-istruttura se tingħaqad mar-raba’ flyover tal-proġett, li wkoll diġà qed tinbena, biex jiffurmaw rotta ġdida diretta ta’ żewġ korsiji lejn in-nofsinhar minn Triq Aldo Moro, fil-Marsa għal Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa u l-Ajruport.
Sakemm jitlestew l-istrutturi tat-tielet u r-raba’ flyover kmieni s-sena d-dieħla, b’mod temporanju biex tivvjaġġa f’din ir-rotta trid tgħaddi minn fuq l-ewwel żewġ flyovers li se jinfetħu fi tmiem il-ġimgħa u li għalissa se jaqdu funzjoni bil-kontra. Dawn iż-żewġ flyovers magħqudin flimkien se jieħdu post ir-rotta eżistenti li tgħaddi mill-junction tat-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Ladarba l-proġett ikun lest, dawn se jservu bħala konnessjoni diretta lejn it-tramuntana bejn Triq Garibaldi u Triq Aldo Moro. Iżda, għall-ftit xhur li ġejjin, iż-żewġ korsiji fuq dawn l-ewwel żewġ flyovers se jinfetħu fid-direzzjoni opposta.
Dan se jsir biex Infrastructure Malta tkun tista’ tagħlaq temporanjament il-korsiji li bħalissa qegħdin iservu għal din ir-rotta, fl-inħawi tal-parkeġġ tal-Addolorata, ħalli tkompli tibni l-istruttri l-oħrajn tal-proġett. Dawn l-istrutturi u l-korsiji ġodda li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti minn dan il-proġett se joħolqu konnessjonijiet oħrajn diretti bejn Triq Aldo Moro u t-toroq l-oħrajn li jingħaqdu fil-junction tat-traffic lights tal-Addolorata, li jinkludu Vjal Sir Paul Boffa (lejn Kordin u Raħal Ġdid), Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) u Triq il-Marsa (lejn Ħal Qormi). B’hekk, jiġu eliminati t-traffic lights tal-Addolorata.
Infrastructure Malta tappella lil dawk li se jivvjaġġaw minn din il-junction fil-jiem li ġejjin biex isegwu s-sinjali sofor li jiggwidawk għar-rotta ġdida fid-direzzjoni tan-nofsinhar, minn fuq il-flyovers. Il-limitu ta’ veloċità mnaqqas ta’ 30 kilometru fis-siegħa, li japplika għal sewqan sigur fejn ikunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq, se jibqa’ fis-seħħ għall-inħawi kollha tal-Marsa Junction Project, inkluż meta tgħaddi minn fuq l-istrutturi ġodda tal-flyovers.
L-aġenzija qed tikkollabora wkoll mal-Pulizija u Transport Malta biex toffri assistenza lil dawk li jkunu għaddejjin mill-inħawi. Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u uffiċjali ta’ Transport Malta qegħdin ikunu stazzjonati fl-inħawi biex isegwu dak li jkun għaddej fit-toroq li jwasslu għall-junction tal-Addolorata u jieħdu azzjoni immedjata f’każ li jinqalgħu diffikultajiet. Is-sewwieqa jistgħu jċemplu lil Transport Malta fuq 8007 3399 sabiex jużaw is-servizz ta’ rmonk offrut għal dawk il-vetturi li jinqalgħulhom ħsarat waqt li jkunu għaddejjin mill-inħawi.
Il-Marsa Junction Project, li qed isir b’investiment ta’ €70 miljun biex jelimina t-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata, jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, u se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk se jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida.
Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.