Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, attenda għal sports day għall-anzjani organizzata mid-Direttorat għal Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna li dan huwa mod ieħor ta’ kif nistgħu nkomplu nippromwovu l-anzjanità attiva, fejn anzjani li fid-djar residenzjali jkollhom l-opportunità li jżommu ruħhom attivi wkoll, b’mod addattat għalihom. Filwaqt li avveniment bħal dan huwa sabiħ ukoll għax jiġbor diversi anzjani mid-djar madwar pajjiżna, huwa importanti li fuq livell iżgħar ikun hemm ukoll opportunitajiet ta’ attività fiżika b’mod regolari fid-djar residenzjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, spjega li l-għan tad-Direttorat għal Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità huwa li jieħdu ħsieb lill-anzjani b’mod ħolistiku. Għalhekk jipprovdi servizzi u jorganizza attivitajiet li jieħdu ħsieb l-anzjani mill-aspett ta’ saħħa, dak psikoloġiku, u dak soċjali. Attività bħal din tkun ta’ għajnuna sabiex l-anzjani jibqgħu attivi u f’saħħithom fis-soċjetà.
F’dan l-avveniment ipparteċipaw madwar 600 anzjan u anzjana residenti fid-djar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex, fejn flimkien se jkunu qegħdin jieħdu sehem f’logħob differenti u li hu addattat għal dawn l-anzjani. Sabiex din l-attività setgħet tittella’ taw l-appoġġ tagħhom ukoll l-Allied Health Professionals, liema professjonisti jaħdmu mal-anzjani fil-komunità.