Il-karriera diplomatika għandna tiġi kkunsidrata miż-żgħażagħ għaliex toffri opportunitajiet kemm Malta u anke barra mill-pajjiż, fejn tista’ twassal sa livell ta’ Ambaxxatur ta’ Malta. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela hekk kif flimkien mas-Segretarju Permanenti Fiona Formosa, iltaqa’ ma’ disa’ second secretaries ġodda li għadhom kemm ingħaqdu mal-Ministeru riċentament wara proċess ta’ reklutaġġ. L-irwol ta’ second secretary huwa meqjus bħala l-punt tad-dħul fil-klassi diplomatika.
Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll ma’ dsatax-il diplomatiku li ġew promossi bħala counsellors. Dan wara perjodu twil ta’ servizz fid-diplomazija kemm Malta u anke barra bħala first secretaries, fejn għaddew ukoll minn eżamijiet orali u bil-miktub.
Il-Ministru Abela appella lis-second secretaries u lill-counsellors sabiex jaqsmu l-esperjenzi pożittivi tagħhom bħala diplomatiċi Maltin ma’ żgħażagħ oħra u jħeġġuhom jersqu lejn din il-karriera li ġġib magħha tant sodisfazzjon.
Huwa semma kif ir-riżorsa umana hija l-pedament esklussiv tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. Qal kif permezz ta’ dan it-tisħiħ fir-riżorsa umana qegħdin naraw talent stabbilit u esperjenzat fid-diplomazija u jservi ta’ gwida u mentoring għal dawn iż-żgħażagħ entużjasti sabiex jitgħallmu u jikbru. Il-Ministru Abela rrefera għal ftehim kollettiv li ġie ffirmat riċentament wara 25 sena, fejn qal li karriera fid-diplomazija llum iġġib magħha kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.
“Intom għandkom responsabbiltà u ħafna opportunitajiet. Intom qegħdin tirrappreżentaw lill-pajjiż. Ix-xogħol diplomatiku hawn Malta huwa importanti daqs ix-xogħol diplomatiku li jsir madwar is-37 Missjoni Maltija madwar id-dinja,” saħaq il-Ministru Abela. Huwa ħeġġeġ lid-diplomatiċi Maltin sabiex jużaw l-enerġija tagħhom sabiex ikabbru l-kuntatt tagħhom mad-Diaspora Maltija imferrxa madwar id-dinja, speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa li wkoll għandha l-potenzjal li tkun ta’ kontribut lejn il-pajjiż.
Il-Ministru Abela semma kif il-viżjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hija waħda li tara lil dan il-Ministeru jikber. Semma kif diġà nfetħet rappreżentanza diplomatika ġdida ġewwa l-Ghana, li bħalissa għaddej il-proċess tal-identifikar ta’ binja li tista’ sservi bħala rappreżentanza diplomatika ġdida fil-Ġappun u li qed issir ħidma sabiex jiftaħ konsolat ġdid fil-Marokk. Semma li sabiex dawn il-missjonijiet ikunu ta’ suċċess, jeħtieġ li d-diplomatiċi Maltin ikollhom il-kapaċità li jibnu relazzjonijiet b’saħħithom ma’ stakeholders importanti fil-pajjiżi rispettivi u jkunu meqjusa bħala diplomatiċi ta’ fiduċja u integrità.
Min-naħa tagħhom is-second secretaries esprimew kummenti pożittivi u qalu li qegħdin isibu dan ix-xogħol bħala wieħed interessanti, dinamiku u li fih qed jitgħallmu xi ħaġa ġdida kuljum. Dan l-ingaġġ isegwi ir-reklutaġġ ta’ 13-il second secretary li ġie appuntat fl-2018.
Min-naħa tagħhom il-counsellors ġodda spjegaw li wara snin ta’ esperjenza fis-settur iħarsu ’l quddiem sabiex ikomplu jġorru r-responsabbiltà li ngħatat lilhom biex jassiguraw li l-interessi ta’ Malta madwar id-dinja jkunu dejjem protetti. Il-Ministru Abela awguralhom għax-xogħol imprezzabli tagħhom u l-aqwa prospetti fir-rwol il-ġdid.