Il-Gvern se jħallas 90% tal-ispejjeż biex id-djar f’Birżebbuġa jagħmlu d-‘double glazing’ – One News

Notifiki

Il-Gvern se jħallas 90% tal-ispejjeż biex id-djar f’Birżebbuġa jagħmlu d-‘double glazing’

Il-Gvern se jiffinanzja 90% tal-ispejjeż ta’ familji ta’ Birżebbuġa biex jibdlu l-aperturi tad-djar bid-double glazing.

Dan ħabbru l-Ministru responsabbli mill-Port Ħieles Konrad Mizzi fejn saħaq li mal-150 residenza fi 38 triq jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.

“Meta tkellimna u għamilna għaqdiet f’Birżebbuġa kien ċar li l-istorbju hija kwistjoni prinċipali. L-istorbju rridu nindirizzawha at source billi l-Freeport inaqqas ċertu storbju pero rridu nindirizzawha wkoll fid-djar permezz ta’ skemi bħal dawn. Din hija l-ewwel skema ħa nkun ċar, ħa nagħmlu skemi oħrajn, se tibda f’Ottubru u se niddedikaw mat-tliet mitt elf ewro fejn kull familja jistgħu jibbenefikaw minn elfejn ewro rebate f’dawk it-tmienja u tletin triq l-aktar affettwati”, spjega Dr Mizzi.

Il-Ministru Mizzi qal li Birżebbuġa kkontribwixxiet mhux ftit għall-ekonomija Maltija u għalhekk jeħtieġ li l-Gvern jindirizza l-isfidi tar-residenti ta’ din il-lokalità.

Spjega kif il-Freeport qed jieħu passi oħra biex inaqqas l-istorbju tal-operat tiegħu billi jbiddel il-krejnijiet. “Fi żmien sentejn jew tliet snin oħra l-krejnijiet se jiġu mmodernizzati kollha u jkunu jikkawżaw inqas storbju”, saħaq il-Ministru Mizzi.

Huwa tenna l-wegħda tal-Gvern li f’Birżebbuġa jiżviluppa waħda mill-isbaħ promenades f’pajjiżna. Dan il-kliem u l-iskema li tnediet intlaqgħu b’mod pożittiv mis-Sindku ta’ Birżebbuġa Joseph Farrugia.

“Jiena 25 sena ilu kont diġà qed ninsisti għal dawn il-familji li dawn ma jistgħux jiftħu tieqa, għandhom jisponsorjawhom bil-ħġieġ double glazing u llum nerġa’ ngħidlek nirringrazzja lil Ministru li dak iż-żmien li kont qed naħdem għalih jien, il-Ministru qed jisħaq fuqu li dawn il-familji li kienu qabel il-Freeport, għandhom raġun li jiġu kkumpensati.”

L-iskema se tiftaħ mix-xahar id-dieħel u r-residenti jistgħu jibbenefikaw fuq spejjeż ta’ aperturi double glazing li għamlu f’dawn l-aħħar sitt xhur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend