Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li għad trid tittieħed deċiżjoni aħħarija dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Dan wara li fix-xhur li għaddew ivvota favur li ssir.
Dela qal dan f’intervista li kellu l-Ħamis filgħaxija fid-Dar Centrali fejn naqas għal diversi drabi milli jiddikjara b’mod ċar jekk jaqbilx jew le ma’ dan il-proġett.
B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li l-intervisti tal-aħħar jumejn ma’ Adrian Delia kienu xhieda ta’ kemm miegħu ma tafx fejn qiegħed. Sosnta li wieħed mill-ikbar eżempji li juri dan huwa propju l-mod kif tkellem dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
Qal li wara li l-Partit Nazzjonalista wiegħda fil-manifest għall-aħħar elezzjoni ġenerali u hu vvota favuriha fil-Parlament, ftit tax-xhur ilu, Adrian Delia issa qed jgħid li għad trid tittieħed deċiżjoni aħħarija.
Il-Partit Laburista sostna li d-deċiżjoni diġà ħadha l-poplu fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, bħalma fuq kollox ikkonfermaha l-Parlament ftit tax-xhur ilu.
“Għalkemm issa l-Kap tal-Oppożizzjoni qed idurlu. Dan sakemm ma jkunx qed jitkellem Għawdex u jerġa’ jgħid li favuriha. Għax Delia hekk. Idoqq id-diska skont l-udjenza”, temm jgħid il-Partit Laburista.