Malta bis-sitt l-ogħla tkabbir fl-arjuporti Ewropej – One News

Notifiki

Malta bis-sitt l-ogħla tkabbir fl-arjuporti Ewropej

Ċifri ppubblikati mill-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti juru li f’Lulju li għadda, Malta kellha s-sitt l-ogħla żieda fl-għadd ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 

Iċ-ċifri juru li l-passiġġieri fl-ajruporti Ewropej żdiedu b’medja ta’ 2.2%, l-inqas ammont f’dawn l-aħħar 5 snin.

Bi tkabbir ta’ 5.3%, Malta kienet fost disa’ pajjiż li rreġistraw żieda fil-passiġġieri meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.

Skont l-istħarriġ tal-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti fl-Ewropa, ir-rata ta’ Malta kienet 3.1% aktar mill-medja Ewropea li kienet ta’ 2.2%.

L-ajruporti fl-Awstrija u fil-Latvja raw żieda fil-passiġġieri ta’ ’l fuq minn 10%, segwiti mill-Portugall, il-Finlandja, l-Ungerija, Malta, il-Kroazja, ir-Rumanija u l-Islovenja.

Min-naħa l-oħra, il-Bulgarija, l-Islovakkja, l-Iżvezzja, il-Litwanja, l-Olanda u d-Danimarka rreġistraw tnaqqis waqt li l-Lussemburgu, ir-Renju Unit, il-Greċja u l-Ġermanja raw żieda mariġinali.

B’reazzjoni għal dan l-istħarriġ il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi attribwixxa dan it-tkabbir għall-istrateġija tal-Gvern li jkompli  jżied il-konnettività ta’ pajjiżna bi swieq ġodda. Qal li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jaħdem biex jidħol fi swieq ġodda filwaqt li jkompli jiġi żviluppat is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend