Il-Gvern qed iħares lejn tliet soluzzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni – One News

Il-Gvern qed iħares lejn tliet soluzzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni

Waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq fuq ir-regolamentazzjoni fil-qasam tal-kera. 

Qal li bosta qagħdu ‘l bogħod milli jirregolawh u huwa dan il-Gvern li ħa passi bilanċjati bejn is-sidien tal-proprjetà u l-inkwilini.

Il-Prim Ministru stqarr li “Il-liġi tal-kera huwa qasam illi llum il-ġurnata, f’dak il-qasam li mhux regolat huwa ġungla, naħseb għandna nirrikonoxxu li huwa ġungla u naħseb li bil-konsultazzjoni li għamilna l-proposti finali tagħna huma proposti sensibbli”.

F’Kastilja l-Prim Ministru reġa’ aċċena għall-fatt li l-Gvern mhux se jidħol fid-djar tan-nies mingħajr avviż.

Dan il-kliem deher li nftiehem sew mill-MDA li issa qed jitolbu emendi żgħar fuq xi dettalji.

Fil-fatt hawnhekk il-Prim Ministru qal li ma jiddejjaq xejn li jemenda dettalji bħal żieda fit-teknoloġija f’dan il-qasam tal-liġi tal-kera.

Intant filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ressqet il-proposti tagħha għall-Budget 2020, il-Prim Ministru tkellem dwar tliet soluzzjonijiet b’rabta mar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni.

Filwaqt li ddejjaq li jirreferi għalih bħala skart għaliex fi kliemu dan jista’ jkun riżorsa, Dr. Muscat fisser li soluzzjoni immedjata hi li tal-barrieri jilħqu ftehim dejjiemi b’tarrifi raġonevoli biex il-kuntratturi jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni fihom.

Qal li kemm-il darba tal-barrieri jibqgħu jagħlqu ‘l bibien, il-Gvern juża s-setgħa li tagħtih il-liġi u jiġu ffissati tarriffi ġusti.

Dr. Muscat semma wkoll soluzzjoni medja fejn il-Gvern jarmi l-iskart f’żona fil-baħar li mhix sensittiva għall-ambjent.

Hawnhekk il-Prim Ministru qal li din iż-żona diġà intużat meta sar l-iżvilupp ta’ Tigne u hija żona li diġà kienet identifikata fi żmien l-Ingliżi.

Saħaq li din mhux il-pożizzjoni favorita tal-Gvern u għalhekk jeħtieġ li nħarsu lejn soluzzjoni fit-tul bħal dik tar-reklamazzjoni tal-art fejn l-Aġenzija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA tinsab fi stadju konklussiv fi studju li twettaq f’dan ir-rigward.

Il-Prim Ministru tenna li “U mhux qed ngħidu xejn ġdid għall-pajjiżna. Il-Marsa huwa land reclamation, l-Imsida land reclamation, il-Freeport land reclamation. Jiġifieri aħna parti mill-ideat li jista’ jkollna huwa li jkollna promenades ġodda, li jkollok ċertu partijiet li mhumiex sensittivi tant b’mod ambjentali illi tista’ toħroġ ‘il fuq minnhom”.

Fil-laqgħa tkellem ukoll il-President tal-MDA Sandro Chetcuti li hu u jippreżenta l-proposti għall-Budget spjega kif l-iżvilupp li qed isir huwa fuq pjan lokali approvat fl-2006 u ma tistax tintefa’ l-ħtija fuq dan il-Gvern li qed isaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.

“Dan il-progress li rajna f’dawn il-ħames snin huwa stat ta’ fatt, illi qatt ma rajna bħalu, rekord. Illi dan il-ġid illi nħoloq f’dawn il-ħames snin, dawn se jgawdi minnhom il-poplu kollu inġenerali għaliex il-ġid li qed jinfirex huwa enormi u mhux biss, anki l-ġenerazzjonijiet li ġejjin għad iridu jgawdu minn dan il-ġid”, sostna Chetcuti.

Chetcuti propona wkoll li l-ammont ta’ ħelsien mit-taxxa tal-boll għall-first time buyers titla’ minn 150,000 ewro għal 180,000 ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend