Iċ-ċertezza liċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej għalina prijorità – Josianne Cutajar dwar Brexit fil-PE – One News

Notifiki

Iċ-ċertezza liċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej għalina prijorità – Josianne Cutajar dwar Brexit fil-PE

Hekk kif il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni favur l-estensjoni tal-perjodu mogħti sabiex ir-Renju Unit jinħall mill-Unjoni Ewropea, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar iddikjarat li l-prijorità tal-Unjoni trid tkun iċ-ċertezza u stabbilità taċ-ċittadini Ewropej. 

Dan enfasizzatu waqt dibattitu jaħraq dwar Brexit ġewwa Strasburgu din il-ġimgħa.

Dr Cutajar, li vvutat favur ir-riżoluzzjoni, qalet li filwaqt li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni huwa ta’ swied il-qalb, f’dan l-istadju, il-prijoritajiet għaliha- u għall-bqija tal-istati Membri – huma ċ-ċertezza legali liċ-ċittadini Ewropej li hemm jgħixu fir-Renju Unit, lill-intrapriżi li jimpurtaw u jesportaw minn u lejn ir-Renju Unit, u lill-konsumaturi madwar l-Ewropa.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija saħqet li f’dan l-istadju r-raġuni titlob li l-Parlament Ewropew ma jagħtix lok għat-tluq tar-Renju Unit mingħajr ftehim, li sfortunatament jidher li huwa l-għan tal-Gvern konservattiv Brittaniku.  Cutajar fakkret kif l-istess Gvern Brittaniku ħa diversi deċiżjonijiet li jmorru kontra prinċipji demokratiċi.

Matul id-dibattitu fil-Parlament Ewropew, kienu bosta li esprimew id-diżappunt tagħhom dwar kif il-Gvern tar-Renju Unit, immexxi minn Boris Johnson, għadu ma ressaq l-ebda proposta vijabbli fin-negozjati mal-Unjoni Ewropea lejn ftehim għal Brexit.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu għalhekk il-Parlament Ewropew qal li ma mhux se jagħti kunsens għal ftehim fuq Brexit mingħajr soluzzjoni ta’ kontinġenza fl-Irlanda u f’każ li Brexit iseħħ mingħajr ftehim dan ikun għal kollox ir-responsabbiltà tal-Gvern Brittaniku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend