“Fil-baġit li se nressqu se nkunu qed nagħtu lura dak li naffordjaw u dak li huwa sostenibbli” – il-Prim Ministru – One News

Notifiki

“Fil-baġit li se nressqu se nkunu qed nagħtu lura dak li naffordjaw u dak li huwa sostenibbli” – il-Prim Ministru

Waqt laqgħa f’Kastilja, li matulha l-MDA preżentat il-proposti tagħha għall-baġit li ġej, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li fil-baġit li ġej, il-Gvern se jkun qed jagħti lura lill-poplu dak li bħala pajjiż naffordjaw u mhux nonfqu bl-addoċċ sempliċiment biex inkunu popolari. “Irridu li dak kollu li ndaħħlu u nagħtu lura lin-nies ikun sostenibbli għal numru ta’ snin”, stqarr Dr Muscat. 

Il-Prim Ministru saħaq li l-baġit huwa l-implimentazzjoni tal-programm elettorali li fuqu tela’ dan il-Gvern u sostna li llum ma teżistix klima ta’ tensjoni b’rabta mal-baġit fejn in-nies u n-negozji ikunu nkwetati li se tiżdied xi taxxa, iżda bil-maqlub, illum hemm l-aspettativa għall-baġits li jkunu preżentati u kulħadd jistenna, bir-raġun li jkun hemm iż-żidiet. Dr Muscat saħaq li l-aktar ħaġa  importanti bħalissa huwa li jinżamm ir-ritmu ekonomiku li bħala pajjiż qbadna.

B’rabta mal-proposti li l-MDA ressqet ‘il quddiem, il-Prim Ministru sostna li hemm uħud li huma diġà maħsuba li jitwettqu u wħud li huma interessanti, filwaqt li hemm bżonn diskussjoni dwar oħrajn.

Dr Muscat irringrazzja lil istess MDA b’rabta mar-riforma fil-qasam tal-Kostruzzjoni u saħaq li tul dan is-sajf, il-Gvern irregola qasam li kien meqjus bħala ġungla. “Nifhem li kien hemm deċiżjonijiet iebsa li xi wħud affettwaw il-membri tagħkom, iżda wara perjodu żgħir illum kollox huwa stabilizzat filwaqt li l-Gvern wasal ukoll fi ftehim mal-Kamra tal-Periti”, saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għar-riforma fil-liġi tal-kera li dan il-Gvern qed jimbotta ‘l quddiem u tenna li l-proposti li dan l-Gvern ressaq, wara konsultazzjoni wiesgħa huma sensibbli, iżda minkejja dan il-Gvern huwa lest li jitkellem fuq id-dettalji fosthom anke li tiddaħħal aktar it-teknoloġija. Dr Muscat tkellem dwar dak li għandu x’jaqsam mal-iċċekjar tad-djar u l-proprjetajiet, u saħaq li l-Gvern ma jridx jidħol jagħmel searches fid-djar, iżda li jkun hemm forom ta’ pre-avviż minn qabel jew salvagwardji biex ikunu miġġielda l-abbużi. “Fuq din l-kwistjoni rridu nirregolaraw biex fl-aħħar mill-aħħar nissalvagwardjaw l-interessi kemm tal-inkwlini u kemm dawk tas-sidien.”

Fl-aħħar nett, Dr Muscat għamel referenza għall-kwistjoni tar-rimi ta’ skart tal-Kostruzzjoni u saħaq li huwa jara tliet affarijiet li għandhom isiru. L-ewwel, li fl-immedjat jekk is-settur privat mhux se jkun qed jirregola lilu nnifsu flimkien mas-sidien tal-barrieri, il-Gvern se jkun hu stess li jieħu l-passi sensibbli li hemm bżonn u li tagħtih il-liġi sabiex dan il-qasam ikun regolat kemm jista’ jkun.

It-tieni punt li semma l-Prim Ministru kien li tkun mistħarrġa l-possibilità ta’ rimi fil-baħar f’żona li diġà kienet użata fi żmien l-Ingliżi u li ma għandha l-ebda valur ekoloġiku, għalkemm din xorta mhux l-iktar għażla favorita tal-Gvern anke fid-dawl li r-rimi ta’ materjal ta’ kostruzzjoni huwa riżorsa.

It-tielet punt huwa dwar l-istudji li għaddejjin bħalissa dwar reklamazzjoni tal-art u stqarr li f’dan il-punt il-Gvern aktar qed iħares lejn tkabbir ta’ promenades milli kif qed jingħad jew tingħata l-impressjoni li l-Gvern jaqbad u jibni gżira li fuqha jibni torri. Il-Prim Ministru semma bħala eżempji l-Imsida, il-Port Ħieles u l-Marsa li huma kollha proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art. Dr Muscat semma Baħar iċ-Ċagħaq bħala post li potenzjalment wieħed jista’ jħares lejh iżda wieħed irid jara l-impatt fuq il-flora u l-fawna tal-post. “Għalhekk qed isiru studji dettaljati sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-fatti u l-informazzjoni kollha”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu Sandro Chetcuti f’isem l-MDA sostna li bħala MDA qed iressqu sensiela ta’ proposti għal kunsiderazzjoni filwaqt li silet tnejn b’mod partikolari. L-ewwel li jkun hemm in place mekkaniżmu biex jipproteġu lil dawk in-nies li jixtru minn fuq il-pjanta, hekk kif hemm każijiet ta’ nies irresponsabbli li qed jispiċċaw ikun hemm problemi max-xerrejja li jwasslu għal ħafna Qrati.

It-tieni, is-Sur Chetcuti appella lill-Gvern sabiex jerġa’ jġedded miżuri bħal tal-First time buyersecond time buyer, l-inċentivi tal-village cores u oħrajn.

Sandro Chetcuti faħħar il-ħidma tal-Gvern u stqarr li huwa l-membri tal-MDA qatt ma esperjenzaw il-progress li sar fl-aħħar ħames snin li minnhom se jgawdu anke l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend